Protest ġudizzjarju kontra l-PM minħabba l-Corinthia

Resident mis-Swieqi fetaħ protest ġudizzjarju kontra l-Prim Ministru minħabba l-proġett tal-grupp Corinthia li mistennija titieħed art pubblika biex fuqha jinbnew appartamenti, uffiċini u lukanda.

Fil-Qorti, Ivan Mifsud ta’ 44 sena mis-Swieqi qed iżomm lill-Prim Ministru Joseph Muscat u lill-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi responsabbli biex b’dan il-proġett propost ma jinkisrux liġijiet u l-interessi tal-Maltin jiġu mħarsa.

Jgħid li minkejja li l-art oriġinarjament ingħatat lil Corinthia esklussivament għal skopijiet turistiċi issa qed jiġi propost teħid ta’ art mill-baħar (land reclamation) anke għal skopijiet kummerċjali.

F’dan il-protest ġudizzjarju li ġie ppreżentat fil-Qorti nhar il-Ħamis, Mifsud qal li l-liġi tad-dominju pubbliku ma tippermettix lill-Gvern jagħti lil entità privata u kummerċjali, partijiet minn xatt il-baħar u mill-qiegħ il-baħar biex tavvanza l-interessi kummerċjali tagħha.

Il-protest ġudizzjarju ġie ffirmat mill-avukat ta’ Mifsud, Dr Natalino Caruana de Brincat.

Fuq Newsbook.com.mt, il-Membru Parlamentari Ewropew Francis Zammit Dimech kiteb kontra dan il-proġett fil-blogg tiegħu:

Blogg: Id-deal tal-Corinthia mhuwiex tajjeb għal ħafna raġunijiet

Anki l-għaqdiet u l-Kunsilli Lokali ħarġu kontra dan il-proġett. Il-Moviment Graffiti qal li l-pubbliku għandu dritt ikun jaf x’inhu għaddej dwar l-iżvilupp tal-Corinthia.

“Il-pubbliku għandu dritt ikun jaf aktar” dwar l-art għall-Corinthia