Protest ġudizzjarju kontra l-MUT u l-UPE

Miguela Xuereb

Read in English.

Għada mistenni jitressaq protest ġudizzjarju kontra l-Unjin tal-Għalliema (MUT) u l-Unjin tal-Edukaturi (UPE – Voice of the Workers) għall-“aġir irresponsabbli tagħhom.”

Dan qalu l-Avukat Andre Borg fuq Facebook. Huwa stqarr li għandu ħafna ġenituri u mgħallmin warajh f’din il-kwistjoni.

Għadd ta’ ġenituri lmentaw fuq il-midja soċjali li dawn l-unjins baqgħu jippressaw saħansitra lill-iskejjel indipendenti biex jipposponu l-ftuħ mill-ġdid, minkejja li dawn kienu ppreparati biex jiftħu għada.

Oriġinarjament, l-iskejjel kollha kellhom jiftħu għada t-28 ta’ Settembru. L-unjins ilhom ġimgħat jappellaw lill-Ministeru tal-Edukazzjoni biex jipposponi l-ftuħ tal-iskejjel sabiex jagħtihom ċans jippreparaw u japplikaw il-linji gwida u l-protokolli li ħarġu l-awtoritajiet tas-saħħa fil-bidu ta’ Settembru. Il-Ministeru baqa’ jkaxkar saqajh, u sa ġimgħa ilu, l-unjins kienu għadhom qed jilmentaw li kellhom laqgħat inkonklussivi mal-Gvern u jheddu b’azzjoni industrijali.

Madankollu, nhar il-Ġimgħa li għadda, il-Gvern ħabbar li l-iskejjel tal-Gvern se jiftħu fis-7 t’Ottubru, u mhux l-istudenti kollha se jibdew skola dakinhar, imma skont kif imisshom, se jibdew skola f’jiem differenti tul dik il-ġimgħa. L-iskejjel tal-Knisja mxew mal-istess deċiżjoni.

Minkejja dan, għadd ta’ skejjel indipendenti li kellhom kollox ippreparat u f’postu biex jiftħu għada riedu jagħmlu dan xorta waħda, iżda ħafna qed jimplikaw li huma ġew ippressati mill-unjins tal-edukaturi biex jipposponu l-ftuħ tagħhom ukoll. Xi skejjel xorta waħda se jiftħu għada.