Protest ġudizzjarju “għax il-President attendiet il-marċ b’solidarjetà mal-Pulizija”

L-attendenza tal-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca għall-marċ li kien sar b’solidarjetà mal-Pulizija b’rabta mal-attentat qtil tal-kuntistabbli Simon Schembri qed jiġi meqjusa bħala ksur tad-dritt għal-smigħ ġust fil-konfront tal-akkużat skont protest ġudizzjarju mill-avukati tad-difiża.

Lura fis-16 ta’ Mejju, iż-żagħżugħ ta’ 17-il sena li qed jiġi akkużat bl-attentat qtil ta’ Schembri tgħajjru u kaxkru għal bosta metri fejn ikkawżalu bosta ġrieħi serji, inkluż wassal sabiex jitlef idu.

Il-protest ġudizzjarju jinsisti li kien ċar li l-marċ tal-Pulizija li sar fid-19 ta’ Mejju u li għalih attendiet il-President kien organizzat speċifikament minħabba l-każ taż-żagħżugħ. Isostni li l-attendenza tal-President ifisser li l-President pubblikament għażlet li tappoġġja n-naħa tal-Pulizija, minkejja li l-fatti kienu għadhom ma ħarġux kollha. Jirrimarka li wieħed għandu dejjem ikun preżunt innoċenti sakemm jasal il-mument li jinstab ħati.

L-avukati insistew li l-preżenza tal-President fil-marċ ħoloq preġudizzju fil-konfront tal-akkużat u wassal sabiex jibda jifforma l-opinjoni pubblika. Mill-istess pubbliku, iridu jiġu magħżulin il-ġurati f’każ li il-każ partikolari jkollu jgħaddi ġuri.

Jinsistu li għadu mhux konkluż jekk hux vera li kien iż-żagħżugħ li tajjar lil Schembri apposta jew jekk kienx Schembri li daħal quddiem il-karozza u spiċċa tajjar miż-żagħżugħ intortament.

Il-protest ġudizzjarju jgħid li fil-Qorti nstemgħu diversi xhieda li minnhom ħarġu bosta stejjer dwar it-trobbija tal-akkużat u sostnew li l-każ tiegħu jista’ jitqies bħala wieħed soċjali. Implikaw li fiż-żmien meta hu kien qed jitrabba, il-President kienet qed tokkupa l-kariga tal-Ministru għall-Politika Soċjali u għaldaqstant jista’ jirriżulta li l-każ tiegħu ġej min-negliġenza tas-sistema soċjali u edukattiva.