Prospectus ġdid u korsijiet ġodda għall-Higher Secondary tan-Naxxar

Minister for Education and Employment Evarist Bartolo attends the prospectus launch by Giovanni Curmi Higher Secondary

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo ħabbar li nbidel il-prospectus tal-iskola Higher Secondary Giovanni Curmi fin-Naxxar bil-għan li jiftaħ aktar opportunitajiet għall-istudenti u joffrilhom tagħlim iktar speċjalizzat.

F’konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Kap tal-iskola Gaetano Calleja, il-Ministru Bartolo semma kif se jiġu introdotti programmi ġodda biex isaħħu iktar il-ħolqa bejn il-bankijiet tal-klassi u d-dinja tax-xogħol u t-taħriġ.

Spjega li se jiddaħħlu programmi ġodda bħalma huma l-E-Twinning, Ħiliet fit-Tmexxija, Yoga, Fotografija u Drama.

Studenti tal-Higher se jkunu jistgħu wkoll jagħżlu t-tagħlim tat-tielet lingwa waqt li jkomplu għaddejjin bil-kors tagħhom.

Intqal li l-atleti nazzjonali se jkollhom il-flessibiltà meħtieġa biex ikomplu jistudjaw u jitħarrġu fl-isport tagħhom fl-istess ħin.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni semma kif l-iskola qed tħaddan iktar l-informatika, tant li se tniedi app ġdida għall-istudenti, b’informazzjoni dwar avvenimenti, avviżi importanti u l-proċeduri tal-iskola.

Se jsiru żewġ laqgħat ta’ informazzjoni għall-istudenti prospettivi fil-11 ta’ Lulju, waħda tibda fl-10.00am u l-oħra fis-6.30pm.

Il-prospectus il-ġdid tal-Higher Secondary jista’ jitniżżel minn hawnhekk.

Ritratt: DOI – Omar Camilleri