“Prosit Man”, “Għalik King” kliem George Farrugia u uffiċjal tal-Enemalta

Dalgħodu ġew żvelati aktar imejls li juru li n-negozjant taż-żejt George Farrugia kellu relazzjoni qrib ħafna ma’ uffiċjali pubbliċi oħra fl-Enemalta.
Skont rapport fuq il-MaltaToday, l-aħħar imejls li ntbagħtu fl-2008 se jkomplu jżidu l-pressjoni dwar jekk tiġix irtirata l-maħfra presidenzjali li ngħatat lil Farrugia, bil-għan li jiżvela kollox dwar l-iskandlu taż-żejt.
L-aħħar imejls juru li Farrugia kien jirċievi informazzjoni importanti u sensittiva relatata mal-ħażna taż-żejt minn Emmanuel Mizzi, uffiċjal għoli fid-Diviżjoni taż-Żejt tal-Enemalta.
George Farrugia bagħat l-imejl li rċieva fuq l-imejl tal-Yahoo ta’ martu Cathy.
F’dawn l-imejls spikkat il-familjarità li kien hemm bejn dan l-uffiċjal tal-Enemalta u George Farrugia. F’waħda minnhom, Emmanuel Mizzi jgħidlu “Hi George. Għalik King – Fuel Oil posted. Cheerio.”
Il-Malta Today żvelat imejls oħra fejn Mizzi qal lil Farrugia li xtaq jaqsam miegħu l-ferħ għall-kisba tal-MBA u rringrazzjah tal-appoġġ tiegħu. Farrugia wieġbu “Prosit Man. It was my pleasure.”
Dawn l-imejls ħarġu wara li nhar il-Ħadd li għadda, l-istess ġurnal ippubblika imejls li juru li l-inġinier Godwin Sant, li kien direttur tal-Awtorità tar-Riżorsi aċċetta rigali mingħand Farrugia fl-2009. Sant ġie arrestat u interrogat mill-pulizija.
Sadanittant, skont il-Malta Independent, l-avukat ta’ George Farrugia qal li rritorna Malta lbieraħ.  Dan wara li ħalla l-pajjiż nhar il-Ħadd li għadda ftit wara li ġew ippubblikati l-imejls.