​Prosekutur Grieg jappella biex Efimova tiġi estradita

Prosekutur Grieg appella d-deċiżjoni tal-Qorti Griega, liema qorti qalet li l-whistleblower ta’ Pilatus Bank Maria Efimova m’għandhiex tiġi estradita lejn Malta.
Skont ir-Reuters, Malta ħarġet mandat Ewropew għall-arrest għar-Russa ta’ 36 sena li qajment skandlu politiku dwar allegazzjonijiet ta’ illegalitajiet f’Pilatus Bank.
Efimova li telqet minn Malta s-sena li għaddiet marret volontarjament għand il-Pulizija Griega x-xahar li għadda. Ġiet arrestata minħabba l-mandat għall-arrest tagħha b’rabta ma’ akkużi ta’ miżapproprijazzjoni ta’ fondi. Efimova tisħaq li hija innoċenti.
Ilbieraħ il-qorti ordnat il-ħelsien ta’ Efimova. Is-sorsi li tkellmu mar-Reuters qalu li wara l-appell tal-prosekutur, l-ogħla qorti tal-Greċja se tkun qed tisma’ l-każ.
Efimova kienet impjegata ma’ Pilatus Bank għal tliet xhur fl-2016. Hi kienet għaddiet informazzjoni b’rabta mal-bank lill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia. Allegatament, dawn id-dokumenti kienu juru li l-mara tal-Prim Ministru Joseph Muscat, Michelle Muscat, kellha kumpanija sigrieta fil-Panama. Din l-allegazzjoni ġiet miċħuda mill-Prim Ministru u martu.
Grupp ta’ 36 Membru tal-Parlament Ewropew (MPE) iffirmaw ittra wara l-arrest ta’ Efimova b’talba biex din ma tiġix estradita lejn Malta.
Storja: Reuters