Proposti MEA: Nofs pensjoni għal min jibqa’ jaħdem

Nofs pensjoni għandha tingħata lil dawk li jibqgħu jaħdmu minkejja l-età. Din hija waħda mill-proposti tal-Assoċjazzjoni għal Min Iħaddem (MEA) għall-baġit tal-2020. L-assoċjazzjoni ħeġġet lill-Gvern sabiex jikkonsulta mal-pożizzjonijiet li ħarġet hi għal negozju sostenibbli fil-pajjiż.

Ir-rakkomandazzjonijiet ħarġu wara survej li għamlet l-assoċjazzjoni dwar l-inflazzjoni fil-pagi. L-assoċjazzjoni pproponiet li l-Gvern u l-entitajiet konċernati jaħdmu fuq strateġija demografika li tindirizza s-sostenibbiltà u l-impatt soċjali u ekonomiku taż-żieda fil-popolazzjoni. Proposta oħra tgħid li l-Gvern għandu jipprovdi inċentivi aħjar għal anzjani li jibqgħu jaħdmu. Il-proposta tagħha hija li dawn l-anzjani jirċievu nofs il-pensjoni tagħhom waqt li jibqgħu jaħdmu.

L-assoċjazzjoni talbet għal aktar koordinazzjoni bejn min iħaddem u l-istituzzjonijiet edukattivi. Dan biex il-kwalifiki li jipprovdu jirriflettu l-bżonnijiet tal-industriji fil-pajjiż. Il-proposta titlob ukoll sabiex studenti jingħataw korsijiet inqas twal. Persuni li m’għandhomx xogħol u immigranti għandhom jitħeġġu biex jattendu korsijiet mandatorji fil-litteriżmu. Għandu jsir aktar xogħol biex studenti jitħeġġu jagħmlu xi appretistat.

L-MEA temmen li s-settur pubbliku jrid isir aktar razzjonalizzat. Is-suġġeriment huwa li persuni fis-settur pubbliku li huma impjegati iżda mhux jiġu utilizzati kif hemm bżonn jitħallew ifittxu xogħol fis-settur privat. Intant l-assoċjazzjoni proponiet li l-istruttura tal-pagi tas-settur pubbliku trid tiġi modernizzata biex timmotiva ħaddiema mħarrġa u professjonali. Fost is-suġġerimenti hawn, l-MEA qalet li l-membri parlamentari għandhom ikollhom remunerazzjoni. Ma għandhomx jitħallew jokkupaw pożizzjonijiet oħrajn fis-settur pubbliku. Dan biex jitnaqqas il-kunflitt ta’ interess bejn irwoli leġiżlattivi u eżekuttivi.

Intant, l-assoċjazzjoni qalet li persuni f’pożizzjoni rikonoxxuta ta’ fiduċja għandhom jinżammu politikament responsabbli. Filwaqt li l-pakkett finanzjarju tagħhom għandu jkun pubbliku.

Proposta oħra tħeġġeġ lill-Gvern sabiex jagħti aktar riżorsi lil Identity Malta. Dan sabiex tkun tista’ tlaħħaq mad-domanda tal-applikazzjonijiet li tirċievi. Fejn jidħlu persuni ta’ pajjiżi terzi li jiġu jaħdmu Malta, hemm bżonn li l-Gvern jikkjarifika l-ftehim ma’ pajjiżi oħrajn. Dan sabiex meta dawn il-persuni jiġu jaħdmu Malta jkollhom termini u kundizzjonijiet ċari.

L-MEA qalet li l-Gvern ma għandux jintroduċi miżuri li jżidu l-prezz għal min iħaddem. Dan hekk kif il-produttività mhux qed tiżdied. Intant talbet sabiex kull miżura li għandha x’taqsam mad-Direttiva ta’ bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol tkun iffinanzjata mill-Gvern.

Proposta oħra titlob lill-Gvern sabiex jikkommetti għall-proċessi tat-tenders u ma joħorġux direct orders. Dan hekk kif jinħoloq żbilanċ fin-negozju.

L-MEA talbet ukoll sabiex il-Gvern jieħu responsabbiltà għall-problemi tat-traffiku li minħabba fihom ħafna jaslu tard għax-xogħol. Il-Gvern għandu jkollu inċentivi aktar f’saħħithom għall-użu ta’ karozzi elettriċi li jinkludu sussidji aħjar u charging points aktar mifruxin.