​“Proposti li ressaq il-PN diġà inklużi fil-manifest elettorali tal-PL” – Gvern

Id-deputat Prim Ministru Chris Fearne u l-Whip Laburista Byron Camilleri sostnew li l-proposti li ressaq il-Partit Nazzjonalista dwar titjib fil-ħidma parlamentari, diġà kienu inklużi fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista.
Bi tweġiba għall-ittra tal-Oppożizzjoni li ntbagħtet lill-Viċi Kap Nazzjonalista għall-Ħidma Parlamentari Mario de Marco,  Fearne u Camilleri qalu li t-tisħiħ tal-Parlament se tibqa’ fuq l-aġenda tal-Gvern.
Qalu li l-proposti fil-manifest elettorali tal-PL, diġà jinkludu dawk dwar ir-riforma kostituzzjonali, skrutinju parlamentari dwar chairpersons ta’ entitajiet pubbliċi, il-ħarsien tal-istandards fil-ħajja pubblika u sehem akbar tan-nisa fil-politika.
Fearne u Camilleri fakkru kif minkejja dan, il-Gvern huwa dispost li jkompli b’iktar diskussjonijiet dwar dawn il-proposti u oħrajn ġodda, fosthom ħinijiet aktar razzjonali għas-seduti parlamentari.
Qalu li dan jista’ jsir ladarba jkun intemm il-proċess biex tintgħażel it-tmexxija l-ġdida tal-Partit Nazzjonalista.