Proposti għall-kodiċi tal-etika tal-Ministri sal-aħħar ta’ Jannar

Miguela Xuereb

Sal-aħħar ta’ Jannar li ġej, il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika se jkun qed joħroġ proposti dwar reviżjoni tal-kodiċi ta’ etika għall-ministri u d-deputati parlamentari.  Fi stqarrija, il-Kummissarju Dr George Hyzler stqarr li l-proposti se jkunu suġġetti għal konsultazzjoni pubblika.

Waqt laqgħa dwar lobbying li saret fuq talba ta’ Alternattiva Demokratika, il-Kummissarju għarraf id-delegazzjoni tal-AD, li l-uffiċċju tiegħu kien qed jiffinalizza proposti biex jiġi regolat il-lobbying. 

Lobbying etiku m’għandux iwassal għal governanza ħżiena – AD

Fi stqarrija, Alternattiva Demokratika qalet li meta l-lobbying isir sewwa u b’mod etiku, dan m’għandux iwassal għal governanza ħażina. Żiedet tgħid li li l-lobbying jirrikjedi ammont konsiderevoli ta’ trasparenza u m’għandux ikun hemm segretezza u kunfidenzjalità artifiċjali. L-AD kompliet li fejn il-lobbying hu regolat dan isir billi l-laqgħat jew attivitajiet oħra li jservu għal-lobbying ikunu dikjarati pubblikament biex b’hekk ikun possibli li jsir skrutinju mill-opinjoni pubblika u l-minuti tal-laqgħat ikunu pubbliċi wkoll.

Il-PN jiddiskuti l-governanza tajba mal-imsieħba soċjali

Intant, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia waqt laqgħa mal-imsieħba soċjali fl-MCESD ddiskuta l-proposti tal-Partit Nazzjonalista għar-riforma u tiġdid dwar id-demokrazija, il-governanza tajba, is-separazzjoni tal-poteri u s-saltna tad-dritt.

Huwa qal li f’dan il-mument delikat huwa prijorità li juru u jispjegaw ir-riformi li jeħtieġ li jitwettqu biex ma jerġax jiġri dak li ġara fl-aħħar ġimgħat. Żied li Malta għaddejja minn kriżi kostituzzjonali u istituzzjonali. 

Delia ressaq dokument bi 15-il proposta dwar din ir-riforma li huma:

  • Ħatra tal-President tar-Repubblika, li jkun il-President tan-Nazzjon
  • Qrati li jispiraw fiduċja
  • Parlament u Parlamentari li jilleġisla u jiskrutinja b’mod awtonomu
  • Awtoritajiet u istituzzjonijiet b’garanzija ta’ indipendenza
  • Avukat Ġenerali b’garanzija ta’ indipendenza u sinsla
  • Forzi dixxiplinati, indipendenti u tajbin
  • Awditur Ġenerali li jifli kollox u fil-ħin
  • Finanzjament tal-Partiti mill-Istat biex ikun hemm ħelsien tal-politika mill-kunflitti ta’ interess
  • Xandir tal-Istat imparzjali, Edukattiv, Serju u li jagħti spazju lill-partiti u lill-imsieħba soċjali
  • Ħarsien sħiħ tal-ġurnalizmu investigattiv
  • Tisħiħ tas-soċjetà ċivili
  • Trasparenza fil-ħidma u fil-kuntratt tal-Gvern
  • Tieqaf l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza
  • Pożizzjonijiet ta’ fiduċja biss fejn huwa sewwa
  • Tissaħħaħ il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni

Waqt din il-laqgħa Delia qal li l-Gvern kisser ir-reputazzjoni ta’ Malta u hedded id-demokrazija. Huwa għamel referenza għall-Avukat Ġenerali u qal li mhux aċċettabbli li jkun ikkundannat mill-ogħla Qorti f’Malta. Il-kap tal-Oppożizzjoni kien qed jagħmel referenza għas-sentenza tal-Qorti biex jingħata kopja tal-inkjesta Egrant.

Delia kompla li Malta ma tiflaħx għal aktar rapporti negattivi u semma kif 84% tal-Membri Parlamentari Ewropej approvaw mozzjoni li tikkundanna lil Joseph Muscat bħala Prim Ministru.