Proposti għall-Gvern biex titjieb il-ħajja ta’ immigranti nisa

Read in English.

Studju li sar qalb nisa immigranti wassal sabiex ir-riċerkaturi jippubblikaw lista ta’ proposti fejn il-Gvern għandu u jista’ jieħu azzjoni biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ nisa immigranti li qed jgħixu fiċ-ċentri l-miftuħa u x-xelters ta’ vjolenza domestika.

L-istudju In This Together li sar b’kollaborazzjoni bejn il-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Jesuit Refugee Service Malta, ra l-esperjenzi ta’ 114-il mara li qed jgħixu f’istituzzjonijiet jew ċentri miftuħa wara li spiċċaw kellhom jitilqu minn darhom minħabba vjolenza domestika, u oħrajn minħabba li kienu qed jgħixu f’żoni tal-gwerra jew persekuzzjoni. Il-gruppi ta’ nisa kienu ġejjin minn tliet xelters ta’ vjolenza domestika u żewġ ċentri miftuħa.

Aqra: Id-diskriminazzjoni minħabba l-kulur tal-ġilda tnaqqsilna d-dinjità – nisa immigranti

L-istudju kkonkluda li minkejja l-istejjer differenti tan-nisa, l-inkwiet tagħhom kien simili. Filwaqt li ħafna semmew problemi strutturali bħal dewmien eżaġerat fil-proċeduri tal-Qorti u prezzijiet għolja tal-kera, is-saħħa emozzjonali ta’ individwu ġiet emfasizzata. In-nisa indikaw li għandhom ix-xewqa li jaslu f’punt fejn ikunu indipendenti, għan li jintlaħaq biss jekk il-ħtiġijiet emozzjonali tagħhom jintlaħqu, il-feriti tal-passat jiġu kkurati u jirċievu s-sapport neċessarju flimkien mal-ħiliet neċessarji li jwassluhom sabiex jibdew il-pass li jmiss f’ħajjithom.

Aqra: Nisa fiċ-ċentri l-miftuħa jibżgħu mill-gwardjani rġiel – studju

X’inhuma t-talbiet li għamlu lill-Gvern?

  1. Aktar koordinazzjoni bejn is-servizzi li nisa vulnerabbli jiġu f’kuntatt magħhom, sabiex ma jkunx hemm servizzi doppji u biex jitnaqqas id-drabi li n-nisa jkollhom jirrakkuntaw id-dettalji tas-sitwazzjoni tagħhom.
  2. Aktar sessjonijiet ta’ taħriġ mal-impjegati tal-gvern, min iħaddem u sidien tal-kera dwar id-drittijiet tar-refuġjati u fuq problemi li jgħaddu minnhom vittmi ta’ vjolenza domestika.
  3. Jiġu stabbiliti standards ċari u pubbliċi għax-xelters kemm jekk taċ-ċentri miftuħa u anke tax-xelters għall-vittmi ta’ vjolenza domestika.
  4. Li jiġu ffinanzjati u mwettqa t-tibdiliet neċessarji u jkun hemm żamma tal-faċilitajiet residenzjali sabiex ikollhom standards bażiċi.
  5. Jiġi assigurat li l-istandards jinżammu fit-tul u jkun hemm mekkaniżmi ta’ monitoraġġ tagħhom.
  6. Assigurazzjoni li l-istaff tax-xelter ikunu mħarrġa b’mod adegwat u jużaw approċċ uman li jagħti sapport u jsaħħaħ il-benessri tal-persuni.
  7. Li jsir xogħol sabiex iċ-ċentri jsiru aktar effettivi fejn jidħol l-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni tan-nisa fit-tmexxija taċ-ċentri, li jkollhom privatezza u li jippromwovu li wieħed jieħu ħsieb tiegħu nniffsu.
  8. Bżonn li n-nisa f’dawn iċ-ċentri jirċievu s-sapport neċessarju bħal dak psikoloġiku, li jkollhom is-sapport ta’ mentor jew caseworker li jismagħhom u jara l-bżonnijiet tagħhom.
  9. Li jkollhom korsijiet waqt li jkunu fir-residenzi li jgħinuhom ikabbru l-ħiliet u l-edukazzjoni tagħhom u jkunu kapaċi jikbru u jkunu jistgħu jibdew jaħsbu għalihom innifishom biex b’hekk jintegraw mal-bqija tas-soċjetà.
  10. Li jkollhom servizzi fejn xi ħadd jieħu ħsieb it-tfal sakemm huma jirreġistraw ma’ Jobsplus u jfittxu xogħol. Qalu li dawn is-servizzi għandhom ikun disponibbli qabel ma mara jirnexxielha ssib xogħol sabiex ikun faċli għaliha biex tagħmel l-appuntamenti u l-intervisti neċessari.
  11. Li l-Gvern jirrevedi l-liġijiet dwar l-intitolar għall-assistenza soċjali u jara li l-persuni ma jkunux ibbażati biss fuq l-istatus ta’ immigrazzjoni jew jekk għandhomx propjetà imma wara assessjar tal-każi individwali.
  12. Li jkun assigurat li l-applikazzjonijiet min-nisa u l-familji f’residenza jkunu prioritizzati u ċ-ċekkijiet tal-assistenza soċjali jaslu fi żmien diċenti u fi żmien ġimgħatejn wara l-applikazzjoni.
  13. Li jitneħħew il-ħlasijiet fuq permessi għal residenzi, permessi tax-xogħol u dokumentazzjoni u servizzi oħrajn sakemm il-mara tkun tista’ taħseb għaliha nnifisha.