“Proposti dwar Kunsill Eżekuttiv tal-Ippjanar huma pass lura”

Il-proposta tal-Gvern dwar il-Kunsill Eżekuttiv tal-Ippjanar tirrapreżenta pass lura minn kif qed titfassal il-politika dwar l-ippjanar illum.
Hekk qal id-Deputat Nazzjonalista Chris Said waqt diskussjoni fil-Kumitat dwar l-Ambjent u l-Ippjanar dwar l-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp. Dan hekk kif l-Oppożizzjoni, permezz tad-Deputat Ryan Callus ressqet l-emendi dwar il-kompożizzjoni ta’ dan il-Kunsill.
Skont l-abbozz eżistenti, il-Kunsill Eżekuttiv għandu jkun kompost minn Chairperson Eżekuttiv maħtur mill-Ministru, żewġ membri permanenti li għandhom ikunu iċ-chairperson u viċi-chairperson tal-Bord tal-Ippjanar, żewġ membri permanenti b’esperjenza f’affarijiet relatati mal-kostruzzjoni jew mas-saħħa u s-sigurtà, u żewġ membri li għandhom jiġu maħtura mill-Awtorità ta’ Malta għall-Ambjent li għandhom jiġu msejħa sabiex jattendu għal-laqgħat f’ċertu każi identifikati mil-liġi.
Said sostna li dan jirrappreżenta “pass lura” hekk kif il-membri kollha hu propost li jkunu maħtura mill-Gvern.
L-Oppożizzjoni pproponiet li għandu jkun hemm żewġ membri maħtura mill-għaqdiet ambjentali kif ukoll membru maħtur mill-Gvern u ieħor mill-Kap tal-Oppożizzjoni. Dan waqt li ċ-Chairperson u l-Viċi Chairperson tal-Bord tal-Ippjanar ma għandhomx ikunu membri tal-Kunsill Eżekuttiv. Dan bil-għan li tkun assikurata tassew it-trasparenza u s-separazzjoni bejn iż-żewġ strutturi. Said innota li dan ifisser li l-Gvern xorta se jkollu maġġoranza tal-membri, iżda terz tal-membri jkunu appuntati minn barra, u dan bil-għan li tkun żgurata t-trasparenza.
Callus innota li fil-preżent fejn il-Bord tal-Ippjanar hu responsabbli mill-policy, il-Bord jinkludi persuna maħtura minn għaqdiet ambjentali u ieħor maħtur mill-Kap tal-Oppożizzjoni.
Id-Deputat Nazzjonalista George Puliccino spjega li l-biża tiegħu hi li d-deċiżjonijiet kollha dwar policy se jkunu kkonċentrati f’kumitat żgħir maħtur esklussivament mill-Gvern mentri sa llum hemm iżjed firxa wiesa ta’ persuni involuti fit-tfassil ta’ policies.  Dan anki għaliex l-abbozz ma jagħmilx referenza għal meta d-diskussjoni dwar policies issir pubblika. Quddiem suġġeriment tas-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar Michael Falzon li l-policies jitressqu quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent u l-Ippjanar, Puliċċino staqsa meta u kif se jkun involut dan il-kumitat, u jekk hux se jispiċċa bħala talkshow.