Proposti dwar kif l-Ombudsman jista’ jaħdem aħjar

Waqt konferenza tal-aħbarijiet l-Uffiċċju tal-Ombudsman  ippreżenta għadd ta’ proposti dwar kif jista’ jsaħħaħ il-ħidma tiegħu.  Dan wara li saret talba mid-Deputat Prim Ministru Louis Grech.

Fost il-proposti mressqa mill-Ombudsman Joseph Said Pullicino hemm li kull ċittadin għandu jiġi mogħti kumpens għal kull danni li jsiru minn uffiċjal pubbliku.

Biex ikun hemm aktar trasparenza, qed jiġi propost li t-terminu tal-Ombudsman għandu jiġi estiż minn ħames għal bejn seba’ u disa’ snin u anke jinħatar Deputat Ombudsman.

Rakkomandazzjoni oħra hi l-ħatra ta’ Kummissarju għall-persuni li huma mċaħħda mil-libertajiet tagħhom, għall-Kunsilli Lokali u għall-ħarsien tad-drittijiet tal-konsumatur.

Suġġeriment ieħor hu biex isir studju dwar jekk ċerti kummissjonijiet bħal ma huma dwar il-persuni b’diżabilità, tas-saħħa mentali, tat-tfal u oħrajn, jistgħux jibdew jiffurmaw parti mill-Uffiċċju tal-Ombudsman.

Dwar il-ħidma tal-Uffiċċju tal-Ombudsman mal-Qorti, Said Pullicino qal li l-opinjoni finali tal-Uffiċċju għandha titqies bħala opinjoni ta’ espert biex il-Qorti tasal għal konkluzjoni tagħha iktar malajr.

L-Ombudsman Joseph Said Pullicino qal li f’Diċembru li għadda tlesta u għadda f’idejn il-Prim Ministru r-rapport dwar is-salarji tal-Membri Parlamentari.  Madanakollu ma jistax jagħti dettalji dwar x’ġie ssuġġerit.

Dwar il-Bord tal-Inġustizzji fl-Armata, li fl-aħħar sena investigat madwar 200 każ, b’ħafna minnhom ikunu każi ta’ promozzjonijiet, l-Ombudsman qal li sa issa ma wasal ebda każ minnhom quddiemu.

Mistoqsi dwar id-diversi kumitati li qed jinħolqu fi ħdan entitajiet pubbliċi bil-għan li jinvestigaw każi ta’ inġustizzja, il-Prim Imħallef Emeritu Said Pullicino qal li ma jsib ebda problema b’dawn il-kumitati sakemm dawn ma jiddeċidux jibdew jinvestigaw inġustizzji li jkunu saru taħt gvernijiet preċedenti.
Proposta oħra hi li titwessa’ il-ħidma tal-Ombudsman biex ikopri fih setturi fil-qasam ekonomiku li qed jagħtu servizz lis-settur privat.

L-Uffiċċju tal-Ombudsman nieda wkoll websajt ġdida bil-għan li tista’ tressaq ilment mill-kumdità tad-dar u anke ssegwi fiex ikun wasal l-ilment.  Hemm ukoll faċilità li titlob appuntament mal-Uffiċċju.