Filmat: Proposti bla ħeġġa mill-Gvern għall-Kummissjoni Venezja – Repubblika

Read in English.

Ir-riformi li qed jipproponi l-Gvern fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja tant huma magħmulin bla ħeġġa li lanqas jindirizzaw il-problemi prinċipali li elenkat l-istess Kummissjoni.

Il-Kummissjoni Venezja tilqa’ fiha esperti li jipprovdu pariri legali lil pajjiżi li jridu li jkollhom standards Ewropej u li jkunu jridu jirrispettaw id-demokrazija.

Fi stqarrija Repubblika ppreżentat ir-reazzjoni tagħha għar-riforma li qed jipproponi l-Gvern Malti. Tħoss li l-proposti tal-Gvern tant huma limitati li ftit li xejn se jkollhom effett. Saħqet li l-Prim Ministru se jibqa’ jkollu wisq poter u li l-istituzzjonijiet se jibqgħu dgħajfin.

Repubblika kkritkat lill-Gvern talli ma organizzax dibattitu nazzjonali dwar ir-riformi li jrid jimplimenta.

Fost il-kummenti tagħha Repubblika qalet li l-PM se jibqa’ jkollu l-poter li jaħtar lin-nies f’karigi għoljin. Qalet li għalkemm ġie propost li jkun il-gvern li jagħżel min se jokkupa ċertu karigi dan mhu se jbiddel xejn. Skont Repubblika l-Gvern Laburista probabbli jaħseb li bi “gvern” il-Kummissjoni Venezja riedet tirreferi għall-Kabinett tal-Ministri. Repubblika fakkret li l-PM huwa dak li jagħżel min ikun fuq il-Kabinett. Il-PM jista’ wkoll iqaċċat lil min irid, fi xħin irid.

Tista’ taqra l-kummenti kollha ta’ Repubblika minn hawn:

F’Mejju l-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis ippubblika l-ittra mingħajr data li huwa qal li bagħat lill-Kummissjoni Venezja f’isem il-Gvern Malti. Il-Ministru sejjaħ dan bħala “pass storiku fid-demokrazija ta’ Malta” hekk kif f’din l-ittra l-Gvern fisser il-kunċetti leġislattivi li bihom irid iwettaq riformi estensivi b’mod partikolari fil-qasam tal-Ġudikatura.