Proposti AKF: Childcare b’xejn għal tfal li jgħixu f’ambjent prekarju

L-Alleanza Kontra l-Faqar (AKF) ressqet il-proposti tagħha għall-Baġit tal-2020. Fost l-oħrajn, qed titlob għal childcare b’xejn għal tfal li jgħixu f’ambjent prekarju.

Fi stqarrija ġie spjegat li l-ħsieb komuni fil-proposti huwa li jimxu ‘l quddiem minn proposta ta’ one-size-fits-all għax b’dawn it-tip ta’ miżuri dawk li għandhom dħul baxx jibqgħu jbatu. L-alleanza insistiet li hemm bżonn li l-miżuri tal-Gvern jiffukaw aktar fuq sezzjonijiet żvantaġġjati tal-popolazzjoni. Dan sabiex l-ekonomija tkun verament inklussiva.

L-ewwel proposta hija li l-Gvern jikkalkula rati ta’ inflazzjoni għal kategoriji ta’ gruppi soċjali differenti. Skont l-alleanza, ir-rata ta’ inflazzjoni li jġib il-Gvern mill-indiċi tal-prezzijiet ma tirrappreżentax sewwa l-għoli tal-ħajja fuq prodott u servizzi essenzjali għall-ħajja. Dan ifisser li l-mod kif tiġi kkalkulata l-COLA, b’rata waħda għal kulħadd, hi l-aktar inġusta ma’ min għandu dħul baxx.

L-alleanza semmiet il-bżonn li wasal iż-żmien li l-Gvern jibda jaħdem biex idaħħal il-Living Income u l s-suġġett jitla’ fuq pjattaformi nazzjonali. Il-ftit żidiet li saru sa issa fil-pagi u l-benefiċċju mhumiex biżżejjed biex iwieġbu għall-bżonnijiet ta’ min hu b dħul baxx ħalli jirnexxielu jgħix ħajja diċenti.

Intant, l-alleanza temmen li hemm bżonn reviżjoni serja tal-bżonnijiet mediċi tal-pensjonanti u reviżjoni tal-pensjonijiet. Il-pensjonanti li għandhom dħul baxx qed jonqsilhom il-livell t’għajxien sena wara sena. Dan minħabba li l-aġġustament tal-pensjonijet mhux qed jagħmel tajjeb għal kif tolqot lilhom l-ogħli tal-ħajja.

Għal darboħra, l-alleanza qed titlob sabiex it-tfal li jgħixu f’ambjent prekarju u mhux dinjituż għax l-omm ma tkunx taħdem minħabba stil jew kundizzjoni ta’ ħajja, jkunu jistgħu jmorru ċ-childcare centres bla ħlas.