Proposti 3 siti ġodda ta’ Natura 2000 biex jingħataw aktar protezzjoni

DOI: Omar Camilleri

Read in English.

Tal-Wej, Ħas-Saptan u Wied il-Mielaħ huma tliet żoni li se jingħataw aktar protezzjoni billi jiffurmaw parti min-network tal-Unjoni Ewropea Natura 2000.

Dan tħabbar il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia fil-Jum Internazzjonali għall-Ambjent 2020. Is-siti li qed jiġu proposti se jiżdiedu mal-34 sit ieħor ta’ Natura 2000 fuq l-art fil-Gżejjer Maltin, li fil-preżent jammontaw għal 13% tat-territorju tal-gżejjer Maltin.

Tal-Wej jinsab fil-limiti tal-Mosta, Ħas-Saptan fil-limiti ta’ Birżebbuġa, u Wied il-Mielaħ fil-limiti tal-Għarb. Dawn is-siti issa ngħataw ukoll it-titlu ta’ Żoni Speċjali ta’ Konservazzjoni ta’ Importanza Internazzjonali. Wied il-Mielaħ ġie ddikjarat ukoll bħala Żona ta’ Ħarsien Speċjali. L-Għadira s-Safra, sit li diġà jagħmel parti min-network Natura 2000, ġie estiż sabiex jinkorpora fih aktar elementi ta’ importanza ekoloġika. 

Iż-żoni ta’ Tal-Wej u Ħas-Saptan intgħażlu minħabba l-preżenza ta’ għadajjar tal-ilma ħelu fil-blat, ambjent naturali li huwa rari fil-Gżejjer Maltin. Dan l-ambjent naturali jħaddan fih bosta speċi uniċi, bħall-ħarira tal-ilma, speċi unika għal Malta; u l-elatine, speċi li tinsab biss f’Malta u fil-Gżejjer Pelaġji fl-Italja. Dawn l-għadajjar iservu ta’ ambjent naturali għal speċi oħra rari, bħall‑gamblu tal‑elmu.

Wied il-Mielaħ, magħruf aktar għall-ġeoloġija unika tiegħu u t-Tieqa, ġie magħżul għall-komunitajiet ta’ pjanti li jgħixu fiż-żona u minħabba l-irdumijiet, li jservu ta’ refuġju għal bosta għasafar, partikolarment il-garnija u ċ-ċiefa. Dan is-sit għandu wkoll protezzjoni ta’ SPA.

Apparti dan, il-konfini tas-sit tal-Għadira s-Safra ġew estiżi kemm fuq l-art kif ukoll fuq il-baħar. Din l-estensjoni tkopri fiha żoni li ġew riabilitati mill-ERA fl-2017 wara t-tneħħija ta’ triq li kienet parti minn Triq il-Kosta li ma baqgħetx tintuża u l-Iskoll tal-Għallis, li jinsab ftit ’il barra mill-Għadira s-Safra u li huwa importanti għal diversi speċi ta’ għasafar.

Il-Ministru enfasizza l-impenn tiegħu sabiex jiġu protetti speċi u tipi ta’ ambjenti naturali differenti u sabiex tiġi assigurata l-konservazzjoni tagħhom għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Il-Perit Michelle Piccinino, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (l-ERA) saħqet li t-tħabbir tal-protezzjoni ta’ dawn is-siti juri l-impenn li l-ERA għandha għall-ambjent u l-viżjoni li għandha għall-futur għal ambjent aktar san u kwalità ta’ ħajja aħjar.

L-ERA ħarġet ukoll Ordni ta’ Konservazzjoni u Protezzjoni fuq l-elementi ġeoloġiċi fiż-żona Ta’ Lanzun f’Tal-Mensija, limiti ta’ San Ġwann. Din iż-żona hija rikonoxxuta llum bħala Żona Speċjali ta’ Importanza Ġeoloġika u tindirizza strutturi, magħrufa bħala “dolines,” li huma simili għal dik li tinsab fiż-żona tal-Maqluba.