Proposta ta’ 6 sulari faċċata tas-Simar ma tinżel xejn tajjeb mal-BirdLife

BirdLife Malta opponew proposta biex isir żvilupp eżatt faċċata tar-Riżerva Naturali tas-Simar fix-Xemxija, u dan għax il-proposta tikser ir-regoli u tista’ tipperikola l-eżistenza ta’ dan is-santwarju tal-annimali.
Huwa għalhekk li l-BirdLife bagħtet ittra miftuħa kemm liċ-Ċermen tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), Victor Axiak, u anki lil dak tal-Awtorità tal-Ippjanar, Vincent Cassar, u talbithom biex  jiddikjaraw il-pożizzjoni tagħhom minħabba n-natura sensittiva tas-sit u biex jekk ikun meħtieġ jaġġornaw il-policies biex jiżguraw li tiġi osservata żona madwar għas-sit Natura 2000 li fiha ma jsirx żvilupp.
Dan għaliex, skont il-BirdLife, l-applikazzjoni għal dan l-iżvilupp tipproponi “t-twaqqigħ ta’ djar, il-kostruzzjoni ta’ ħames appartamenti, recessed floor u garaxx semi-basement”, u l-pjani sottomessi mhumiex skont dak li tgħid il-policy tax-Xemxija Building Heights li tifforma parti mill-Pjan Lokali tal-Majjistral.
Il-BirdLife qal li qed jiġi propost li jinbnew sitt sulari, meta r-regoli ta’ din il-policy jistipulaw li ma jistgġux jinqabżu l-erba’ sulari.
F’Novembru 2016 BirdLife Malta kienet diġà esprimiet il-preokkupazzjonijiet tagħha dwar il-possibilità li seta’ jiġi permess żvilupp mad-dawra tar-Riżerva Naturali tas-Simar li jkollu impatt negattiv fuq il-vijabilità tar-riżerva.
Barra minn dan l-effett tal-kostruzzjoni jista’ jbiegħed lin-nies mir-riżerva, argumentaw tal-BirdLife.
Insistew li s-siti kollha li jiffurmaw parti min-netwerk Natura 2000 għandhom ikunu mħarsa akkost ta’ kollox, speċjalment meta Malta għandha l-ogħla densità ta’ bini fl-Unjoni Ewropea.
L-applikazzjoni bil-proposta biex isir dan l-iżvilupp tressqet quddiem il-PA f’Settembru tas-sena l-oħra u hu skedat li tkun deċiża fit-2 ta’ April.
Ara hawn taħt l-ittra miftuħa li ntbagħtet lill-ERA u l-PA.