​Proposta sistema ta’ taxxa ġdida li mhix fl-interess ta’ Malta – Sant

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew tal-Partit Laburista Alfred Sant qal li hemm proposti ġodda maħsuba biex iressqu s-sistemi ta’ taxxa tal-Unjoni Ewropea (UE) aktar qrib xulxin, ħaġa li fil-fehma tal-MPE mhix fl-interess ta’ Malta.
Fi stqarrija Sant qal li d-dħul finanzjarju li fuqu Malta tiġbor it-taxxi jew li huwa taxxabbli se jonqos bin-nofs bi proposta ġdida dwar l-armonizzazzjoni tat-taxxi fl-UE li ġiet approvata fil-Kumitat Ekonomiku u Monetarju tal-Parlament Ewropew (ECON).
Sant spjega li fl-ECON saret votazzjoni biex l-UE ddaħħal sistema ta' kontabbilità komuni għal kif id-ditti jirrapportaw il-finanzi tagħhom (imsejħa CCTB).
Din il-proposta se titressaq għall-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew fis-sessjoni plenarja ta’ Marzu.
Alfred Sant ħabbar li vvota kontra dawn il-proposti flimkien ma’ MEPs minn stati membri żgħar bħaċ-Ċipru u l-Irlanda. Qal li l-mozzjoni “għaddiet b'maġġoranza komfortabbli”.
Fl-istqarrija tiegħu, Sant qal li rapport minn Tax Justice Network (TJN) jgħid li Malta tista’ titlef aktar min-nofs id-dħul finanzjarju li fuqu jiġu ntaxxati l-kumpaniji tagħha jekk il-Kummissjoni Ewropea tadotta l-miżuri proposti fl-ECON.
Sant qal li “ma jaqbilx assolutament mal-prinċipju ta’ sistema ta’ taxxa komuni għall-UE kollha”. Huwa qal li kien favur miżuri li jżidu t-trasparenza fit-taxxa jew oħrajn li jiddefinixxu aħjar il-preżenza diġitali fl-UE.