Proposta riforma parlamentari bi 8 ministri full-time

DOI: Clodagh O'Neill

Read in English.

L-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) ippreżentat għadd ta’ proposti għal riforma parlamentari lill-Ministru Carmelo Abela, il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, fosthom li fil-Parlament ikun hemm xi MPs li minnhom tmienja jkunu ministri full-time.

Dawn il-proposti ġew preżentati waqt laqgħa bejn l-MEA u l-Ministru. L-MEA wriet il-fehma li r-ristrutturar tal-Parlament huwa mod kritiku kif għandhom iseħħu riformi importanti oħra biex iġibu lura sens ta’ normalità.

Fost il-proposti tal-MEA, hemm li l-Parlament ikollu 45 membru full-time u massimu ta’ tmien ministri. Il-Membri Parlamentari jitħallsu €55,000 fis-sena, is-Segretarji Parlamentari €65,000 fis-sena u l-Ministri €85,000 fis-sena, skont is-suġġeriment tal-MEA. Issuġġerew ukoll li l-paga tal-Prim Ministru tkun ta’ €110,000 fis-sena.

L-Assoċjazzjoni pproponiet ukoll li l-Membri Parlamentari ma jkunux jistgħu jokkupaw pożizzjoni f’entità governattiva, jew ikollhom xi interessi f’kumpaniji fis-settur privat li jistgħu joħolqu kunflitt ta’ interess mal-obbligi tagħhom bħala MPs.

Il-proposti ppreżentati jindirizzaw ukoll l-ingaġġ ta’ persuni bħala persons of trust u ffinanzjar tal-partiti. Rigward il-persons of trust, l-Assoċjazzjoni rrakkomandat li ma jkunx hemm iżjed minn tlieta minn dawn f’kull ministeru u li jkun hemm id-dettalji kollha tal-kuntratti u l-obbligi tagħhom disponibbli.

Dwar l-iffinanzjar tal-partiti, l-MEA qalet li għandu jkun hemm tranżizzjoni lejn partiti politiċi parzjalment iffinanzjati mill-istat. Issuġġeriet li donazzjonijiet minn kumpaniji u ġabriet ta’ fondi mid-djar ikunu pprojbiti.