Proposta quddiem il-PM: Postijiet b’kera sa €400 fix-xahar

L-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi, l-MDA, dalgħodu pproponiet lill-Prim Ministru li biex b’ħidma bejn il-Gvern u l-Privat (PPP) ikun hemm appartamenti għall-kiri bi €300 sa €400 fix-xahar. Din kienet waħda mill-proposti li ġew ippreżentati mill-President tal-Assoċjazzjoni Sandro Chetcuti lill-Prim Ministru Joseph Muscat, qabel ma jitħabbar il-baġit.

Chetcuti saħaq li l-iżviluppaturi jinsabu inkwetati għall-Gvern li qed jaffronta problemi soċjali u li għaldaqstant din il-proposta m’għandha l-ebda interessi ta’ spekulazzjoni iżda sostna li minflok se jkunu qed jiffrankaw il-flus lill-Gvern.

“Bżonn ta’ żieda ta’ 20% fil-paga minima tal-ħaddiema tal-kostruzzjoni”

Chetcuti saħaq li l-Assoċjazzjoni “lesta li tintrabat” b’20% żieda fil-paga minima tal-ħaddiema fil-kostruzzjoni li jaħdmu mal-membri tagħha. Din iż-żieda hi suġġetta għall-ħaddiem li jkollu skills card li turi l-ħiliet tiegħu.

Guarantor għal dawk li ma jistgħux jissellfu

Proposta oħra hi li fil-każijiet fejn persuna ma tistax tissellef mill-bank biex tixtri l-ewwel propjetà tagħha, l-iżviluppatur stess jibda jidħol bħala guarantor għal dawn il-persuni. Chetcuti saħaq li b’hekk dawk li qed jixtru dar għall-ewwel darba iżda ma jkollhomx l-10% meħtieġa għas-self, ikunu jistgħu jixtru xorta.

Il-President tal-MDA tul din il-laqgħa saħaq diversi drabi li bħala żviluppaturi m’għandhom l-ebda interess li jieħdu xi ħaġa lura, iżda enfasizza li għandhom jitħallew jaħdmu.

Il-Prim Ministru qal li mill-proposti li qed tagħmel l-Assoċjazzjoni, jidher li l-MDA hi eżempju ta’ tmexxija b’eżempju. Sostna li l-Gvern qed jistenna l-aħħar ftit informazzjoni qabel ikun jista’ jiċċertifika surplus għal din is-sena. Huwa saħaq li bħala Gvern irid inaqqas id-dejn tiegħu. Sostna li l-Gvern preżenti qed jipprova jmexxi l-pajjiż bħala korporazzjoni.

Għal din il-laqgħa kien hemm preżenti wkoll il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna,  il-Ministru għat-Trasport Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari Chris Agius.