Proposta mill-PA biex jitneħħew ir-restrizzjonijiet tal-għoli tal-bini fiż-żoni industrijali

L-Awtorità tal-Ippjanar fi stqarrija qalet li hemm proposti biex jitneħħew ir-restrizzjonijiet tal-għoli tal-bini li jeżistu fiz-zoni industrijali tal-Imrieħel u l-Marsa. L-Awtorità qalet li dan se jkun qed isir biex iżżid il-flessibilità ta iktar spazju industrijali fil-Gżejjer Maltin.

Il-proposta tinkludi wkoll emendi għall-pjanijiet lokali tan-Nosinhar u parti Ċentrali ta’ Malta. L-għoli ta’ dawn il-binjiet se jkun iddeterminat minn disnnji urbani biex ikun hemm bilanċ bejn l-użu massimu tal-ispazju filwaqt li jiġu rrispettati l-ambjent u l-komunitajiet li jgħixu fiż-żona.

Il-parametri proposti tad-disinn urban se jimxu fuq linji gwida li jinkludu l-valutazzjoni tal-għoli tal-bini, il-potenzjal li jiġi żviluppat taħt l-art, it-topografija tas-sit, il-prossimità ta’ siti jew bini li għandhom jiġu salvagwardjati u l-impatt fuq orizzont.

L-Assistent Direttur tal-Awtorità tal-Ippjanar, il-Perit Joseph Scalpello qal li huma qed jipproponu dawn it-tibdiliet għax jinsabu konxi tan-nuqqas ta’ spazju industrijali. Żied li t-tkabbir ekonomiku, l-investiment ġdid u l-ħolqien ta’ xogħol  jistgħu jkomplu jibru jekk wieħed jagħmel użu mill-ispazju preżenti fl-Imrieħel u l-Marsa.

Wieħed jista’ jara dak li qiegħed jiġi propost fuq is-sit tal-Awtorità tal-Ippjanar.