Proposta li tindirizza l-problema tad-djar battala

Il-Kunsill Lokali tal-Floriana mistenni li jressaq proposta lill-Ministru tal-Finanzi bil-għan li tindirizza l-problema tal-postijiet battala, hekk kif in-numru tar-residenti fil-Floriana qiegħed dejjem jonqos.

Il-proposta kif imressqa mill-Viċi Sindku tal-Floriana, Matthew Paris u ssekondata mill-Kunsillier Edward Torpiano tissuġġerixxi li jsir studju fejn Malta tinqasam f’żoni jew reġjuni differenti fejn it-taxxa fuq il-propjeta’ tkun tvarja skont iż-żona konċernata, fejn ikun hemm l-akbar ammont ta’ djar battala.

Dan il-mudell huwa simili għal mudell kif imħaddem f’pajjiżi oħra Ewropej fosthom Franza.

Fil-preżent, dawk li jixtru l-ewwel propjeta’ iħallsu 3.5% skont il-valur tal-propjeta’ fuq l-ewwel €150,000 u 5% fuq il-kumplament.

Dawk li jixtru propjeta’ li mhix l-ewwel waħda tagħhom iħallsu 5%.

Il-proposta ta’ Matthew Paris tissuġġerixxi li f’żoni partikolari fosthom il-Furjana, it-taxxa fuq il-propjeta’ tkun inqas.

Din l-inizjattiva hija immirata biex aktar persuni jikkunsidraw li jixtru propjeta’ f’lokalitajiet, ibliet u rħula fejn hemm ħafna djar battala.

Dan għaliex ikun jaqbel ukoll finanzjarjament.

Il-prinċipju ta’ din l-inizjattiva huwa konformi wkoll mal-‘Global Residence Programme’ imniedi mill-Gvern fejn qiegħed isir sforz biex in-nofsinhar ta’ Malta u Għawdex ikunu aktar attraenti għal min irid jinvesti f’dawn iż-żoni.