Proposta li ma ssolvi xejn

Photo: Partit Nazzjonalista

Wara l-ittra miftuħa li ktibt ftit ġimgħat ilu indirizzata liż-żewġ deputati tal-Partit Nazzjonalista kellmuni diversi tesserati u partitarji. Semmewli kif il-Viċi Kap tal-PN David Agius kull meta tkellem dwar l-elezzjoni għall-Kap tal-Partit żamm ċerta distanza miż-żewġ persuni li wrew interess . Għamel sew. Robert Arrigo minn naħa l-oħra ħalla l-emozzjoni tiġri bih. Kellna perjodu ta’ żmien meta baqa’ sieket, imma issa ħareġ bl-offerta li hu lest joffri s-siġġu tiegħu ta’ Deputat Kap lil Bernard Grech jekk dan jirtira l-interess tiegħu milli jikkontesta.

Dan huwa pass li ma jagħmel l-ebda sens. Diġà kien hemm tliet voti ta’ nuqqas ta’ fiduċja minn tliet organi tal-PN f’Adrian Delia. Kellna l-vot tal-Kunsill Ġenerali biex tissejjaħ elezzjoni ta’ Kap. Kif nistgħu nirrikonċiljaw it-tħassir tal-elezzjoni ta’ Kap fi sfond ta’ dan kollu?

Il-PN taħt it-tmexxija ta’ Delia ma għamel l-ebda pass ‘il quddiem. F’kull survey Adrian Delia naqqas mis-sapport. Eluf kbar ta’ Nazzjonalisti ma jridux jafu bih kemm minħabba l-fattur Daphne Caruana Galizia kif ukoll minħabba l-ħajja kkumplikata tiegħu b’mod speċjali fejn jidħlu l-finanzi personali tiegħu, li bħala persuna pubblika ta’ Kap ta’ Partit u Kap tal-Oppożizzjoni jirrendu ruħhom għall-iskrutinju tal-pubbliku.

Jekk Bernard Grech jisma’ minn Arrigo jew jekk Adrian Delia jerġa’ jiġi elett Kap, din is-sitwazzjoni li jinsab fiha Delia mhux se tinbidel u għal darb’oħra jkollna Kap li jrid ħafna mill-ħin jiddefendi lilu nnifsu minn allegazzjonijiet fundati jew le dwar il-finanzi personali. Dan l-aħħar kien hemm artiklu riċerkat ta’ Jacob Borg fit-Times of Malta (17 ta’ Awwissu) dwar djun ta’ Delia u dwar kif tħallsu ċerti djun u kif tħallsu ċerti spejjeż. Sal-lum Delia għadu ma wieġeb xejn għal madwar 12-il mistoqsija. Il-poplu Malti għandu kull dritt ikun jaf għax politiku huwa persuna pubblika u għax ukoll persuna b’dejn kbir u b’ħajja personali kumplikata tirrendi ruħha wkoll għar-rikatt. Jien bħal kull tesserat għandi d-dritt li nkun naf xi tweġibiet għandu Delia għall-mistoqsijiet li saru b’mod pubbliku.

Diġà nafu li l-pjan ta’ Delia hu li jqaċċat lil dawk li mhux lesti li jaħdmu miegħu. Dan il-pjan mhu xejn ħlief diżastru mill-bidu sal-aħħar. Kap ta’ Partit irid jaħdem ma’ min il-poplu jpoġġi fil-Parlament. Delia falla milli joħloq atmosfera li twassal għal modus vivendi, il-PN tilef biżżejjed nies, moħħna għandu jkun konċernat dwar kif se nsaħħu l-partit u mhux lil min se nkeċċu.

Hekk kif daħal Bernard Grech f’din ix-xena li ninsabu fiha, nista’ nitkellem biss dwar Għawdex, rajt entużjażmu fost il-partitarji tagħna li ili ma nara. Rajt għexieren ta’ rġiel u nisa jġeddu t-tesseri tagħhom għax raw li hemm xaqq ta’ dawl li l-ħmar il-lejl li għaddejna minnu riesaq fi tmiemu u mhux se ndumu aktar nistennew biex nibdew nibnu u nsaħħu l-Partit li tant inħobbu.

Irridu Kap trasparenti, irridu Kap li jekk qed jitlob il-verità minn naħa Laburista, dwar l-iskandli li qed joħorġu ta’ kuljum, jittieħed bis-serjetà għax huwa persuna li m’għandha l-ebda mistoqsija dwarha li ma ġietx imwieġba. Bernard Grech huwa bniedem li fuqu m’hemm l-ebda dell. Kif kien kiteb tajjeb ċertu Kevin Cassar fit-Times (9 ta’ Awwissu) id-dellijiet li kien daħal bihom bħala Kap tal-Partit Adrian Delia tliet snin ilu mux biss għadhom hemm, iżda żdiedu, b’mod speċjali minn mindu ġew żvelati kuntatti bejn Delia u Yorgen Fenech.

Robert Arrigo jagħmel aktar ġid lil PN jekk jagħti parir lil Delia li l-Partit Laburista beda l-preparazzjonijiet tiegħu għall-elezzjoni ġenerali u li b’Delia bħala Kap se nirriskjaw li l-gvern ġdid ikollu żewġ terzi maġġoranza. Imbagħad addijo għal fdal li baqa’ mid-demokrazija.

Minn Salvu Felice Pace