Proposta biex vaganzi għall-festi pubbliċi jittieħdu nhar ta’ Tnejn

Vaganzi għall-festi pubbliċi li jaħbtu fost il-ġimgħa għandhom jibdew jittieħdu nhar ta’ Tnejn minflok fil-jum propju tagħhom.
Hekk qal id-Deputat Laburista Franco Mercieca waqt li kien qed jitkellem fl-aġġornament, fi tmiem is-seduta Parlamentari ta’ llum.
Mercieca qal li din il-proposta għandha fost l-oħrajn tgħin lill-ekonomija Għawdxija hekk kif inhu magħruf li numru ta’ persuni jqattgħu long weekends f’Għawdex. Barra minn hekk tgħin ukoll biex jiżdied il-ħin għall-familja.
Waqt li ħeġġeġ qbil bejn il-partiti politiċi f’dan is-sens, huwa saħaq li proposta bħal din trid tiġi diskussa fil-fond u huwa importanti li jkun hemm il-kunsens tal-korpi kostitwiti.
Skont il-proposta, iċ-ċelebrazzjonijiet marbuta mar-rikorrenza storika għandhom isiru fil-jum proprju u jkun biss il-jum li jingħata bħala vakanza għal din it-tifkira li jiċċaqlaq.
Il-proposta tista’ tapplika għall-festi nazzjonali u xi festi oħra bħall-Jum il-Ħaddiem, iżda mhux il-Milied, l-Ewwel tas-Sena u fest reliġjużi.
Huwa spjega li għall-bidu il-proposta tista’ tiġi implimentata fuq jum pubbliku wieħed bħas-Sette Giugno jew Jum il-Ħaddiem.