Proposta biex l-UE tagħlaq il-fruntieri esterni għal 30 ġurnata

(AP Photo/Virginia Mayo)

Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li l-fruntieri esterni jingħalqu għal 30 ġurnata. Dan ifisser li jkun hemm sospensjoni għall-ivjaġġar lejn il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea minn pajjiżi terzi. Il-Kapijiet tal-pajjiżi tal-UE mistennija li jiddiskutu din il-proposta għada f’videoconferencing.

Il-Prim Ministru Malti Robert Abela qal li sa issa l-awtoritajiet tas-saħħa Maltin ma ħassewx il-bżonn li jitwaqqaf l-ivjaġġar iżda ħeġġeġ lill-Maltin li jridu jirritornaw lejn Malta biex jagħmlu dan kemm jista’ jkun malajr.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen qalet li inqas ma nivjaġġaw aktar hemm ċans li tonqos l-imxija tal-coronavirus. Kien għalhekk li hija pproponiet lill-Kapijiet ta’ Stat u Gvernijiet Ewropej biex jintroduċu din il-miżura temporanja fuq vjaġġar li mhux essenzjali. Qalet li dawn ir-restrizzjonijiet fuq l-ivjaġġar għandhom ikunu għall-ewwel 30 ġurnata iżda bil-possibiltà li jiżdiedu jekk ikun neċessarju.

Hija semmiet xi eċċezzjonijiet fosthom għal residenti permanenti tal-Unjoni Ewropea, il-familjari tal-Ewropej kif ukoll dawk li joqogħdu fl-erba’ pajjiżi mhux Ewropej iżda huma parti miż-żona Schengen.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn