Proposta biex jingħata stipendju lill-kittieba

Read in English.

Il-Fondazzjoni HELA (Hub for Excellence in the Literary Arts) qalet li għandu jingħata stipendju lill-kittieba. Fil-ħames proposti tagħha għall-baġit tal-2020, il-Fondazzjoni qalet li l-Gvern għandu jkompli jirrikonoxxi l-professjoni tal-kittieba u l-valur tas-settur letterarju għat-tisħiħ tal-kultura lokali. 

HELA pproponiet ukoll li jinħarġu inċentivi biex jinfetħu ħwienet tal-kotba u jiddaħħlu inċentivi fiskali fuq il-produzzjoni tal-kotba letterarji. Il-Fondazzjoni kellha wkoll proposti biex jiżdied il-ġurnaliżmu kulturali u inċentivi biex jissaħħu l-libreriji f’Malta.

Fi stqarrija, l-Fondazzjoni rrikonoxxiet li kien hawn żviluppi pożittivi iżda innutat “nuqqasijiet serji” fis-settur u l-infrastruttura li jiddependi minnha. Fissret kif il-ħames proposti jindirizzaw dawn in-nuqqasijiet bħala opportunitajiet li minnhom jista’ jibbenefika l-qasam kulturali kollu.

Il-baġit se jiġi ppreżentat fil-Parlament nhar it-Tnejn 14 ta’ Ottubru.

Tista’ taqra l-proposti sħaħ hawnhekk:

  1. Ħwienet tal-kotba

Inċentivi għat-twaqqif ta’ negozji li l-attività ewlenija tagħhom hija li jbigħu u/jew jiddistribwixxu l-kotba.

Dan jinkludi

  1. għajnuniet kapitali għax-xiri/għall-kiri ta’ postijiet adegwati għall-bejgħ tal-kotba
  2. għajnuniet kapitali għal ħwienet onlajn irreġistrati Malta li jbigħu u jippromwovu l-ktieb Malti
  3. għajnuniet kapitali għal intrapriżi mwaqqfa bl-għan li jbigħu kotba marbuta ma’ qasam speċjalizzat (kotba minn qasam ta’ riċerka jew ġeneru letterarju speċjalizzat)
  4. l-għoti ta’ postijiet ċentrali preżentament f’idejn il-gvern biex jiġu użati esklussivament għall-bejgħ tal-kotba
  5. inċentivi/eżenzjonijiet fiskali li jiffavorixxu l-promozzjoni u l-bejgħ tal-ktieb Malti (ippubblikat u maħdum Malta)
  6. taħriġ speċjalizzat għal imprendituri ġodda fis-settur
  • Stipendju għall-kittieba

Skema li permezz tagħha l-kittieba jaqilgħu stipendju raġonevoli biex b’hekk il-kittieba Maltin ikunu jistgħu jaħdmu full-time fuq il-proġetti letterarji tagħhom. Dan sabiex insaħħu s-settur b’qafas u prattiċi professjonali u għall-ewwel darba f’Malta jkollna kittieba rikonoxxuti bħala professjonisti bħalma nsibu f’diversi pajjiżi Ewropej u lil hinn.

Nipproponu li

  1. L-istipendju jirrikonoxxi l-att tal-kitba bħala professjoni
  2. Il-kittieba jissottomettu pjan ta’ ħidma għal sena
  3. Il-kuntratt u l-istipendju jkunu jistgħu jiġġeddu għal perjodu massimu ta’ 3 snin
  4. Il-kuntratt jobbligahom li jwettqu għadd ta’ azzjonijiet li jirriflettu l-impenn tagħhom bħala professjonisti fis-settur. Fost dawn jista’ jkun hemm it-tħejjija, ir-riċerka u l-finalizzazzjoni ta’ manuskritti għall-pubblikazzjoni, u parteċipazzjoni f’avvenimenti letterarji bi skop formattiv u/jew promozzjonali.
  • Inċentivi fiskali fuq il-produzzjoni tal-kotba letterarji

Inċentivi li jsaħħu l-kwalità tal-produzzjoni tal-ktieb maħdum Malta. Dan jinkludi d-disinn, l-stampar, it-traduzzjoni, l-editjar u l-ispejjeż marbuta mal-materjali. Permezz ta’ dil-proposta naraw passi konkreti biex is-settur ikun jista’ jipproduċi kotba ta’ kwalità aħjar, intejbu l-istandards u l-prattiċi industrijali u nagħmlu l-ktieb Malti iktar attraenti u aċċessibbli għas-suq Malti u barrani biex eventwalment jiġi esportat.

  1. Inċentivi/eżenzjonijiet fiskali fuq il-produzzjoni tal-kotba letterarji lokali (mhux fuq il-kotba u prodotti stampati kollha) li jinkludi l-karta, servizzi bħall-qari tal-provi, l-editjar, l-illustrazzjoni, u l-istampar – il-passi u l-materja primi kollha inklużi biex jiġi manifatturat il-ktieb.
  • Inċentivi marbuta ma’ ġurnaliżmu kulturali

Inċentivi li jixprunaw il-ġurnaliżmu kulturali, speċifikament ġurnaliżmu marbut mal-ktieb/il-kitba u reviews ta’ kotba fil-gazzetti, att essenzjali iżda li lokalment neqsin ħafna minnu.

Nipproponu li

  1. Jingħata rikonixximent finanzjarju xieraq lil min jikteb u/jew jittraduċi artikli kulturali
  2. Jingħataw inċentivi lill-gazzetti lokali biex jiddelegaw il-kitba ta’ artikli kulturali
  3. Jingħataw fondi biex jibdew jiġu ppubblikati rivisti speċjalizzati tal-proża u l-poeżija u l-kritika tagħhom
  4. Jiġu ppremjati l-aħjar kitbiet fil-qasam ta’ kitba marbuta speċifikament mal-kotba
  5. Inċentivi biex il-ġurnalisti prospettivi u ġurnalisti stabbiliti jitħarrġu fil-kitba ta’ reviews ta’ kotba

5. It-tisħiħ tal-apprezzament tal-ktieb u l-libreriji bħala prodott kulturali

Jingħataw fondi sabiex il-ktieb jingħata l-importanza li tixraqlu, qabelxejn permezz tal-libreriji, wieħed mill-ispazji pubbliċi ewlenin fejn jgħix il-ktieb.

Nipproponu li

  1. Jingħataw fondi sabiex il-libreriji jsiru spazji kulturali li joffru mhux biss numru ta’ kotba imma programmi kulturali eċċellenti matul sena sħiħa
  2. Jingħataw fondi sabiex il-librerija ċentrali ta’ Belt is-Sebħ isirulha bidliet strutturali b’mod li l-ispazju jsir iktar attraenti u jiġbed kemm tfal kif ukoll kbar. Hawnhekk għandna nħarsu lejn diversi libreriji ċentrali fl-Ewropa u lil hinn li fi ħdan il-librerija joffru spazji oħra bħal teatru, spazju għal riċerka, spazji fejn wieħed jaqra fil-kwiet, kafetterija, u l-bqija. Il-librerija ssir punt ta’ referenza fiżiku, post li wieħed irid imur iżuru u jqatta’ l-ħin fih għax jilqa’ lil dak li jkun, anke strutturalment.
  3. Jiġu żviluppati programmi li permezz tagħhom insaħħu r-rapport bejn il-bniedem u l-ktieb minn etajiet bikrin, speċjalment fil-libreriji.
  4. Jingħataw iktar fondi sabiex isiru aktar attivitajiet li jsaħħu l-ħiliet tal-kitba, liema attivitajiet huma mħeġġa jsiru fil-libreriji ġaladarba dawn isiru spazji ċentrali attraenti għall-qarrejja.