Propost waqfien għall-kaċċa tal-gamiem is-sena kollha; FKNK topponi

bird

Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) qed topponi bis-saħħa l-moratorju temporanju li qed tipproponi l-Kummissjoni Ewropea fuq il-kaċċa tal-gamiema għas-sena kollha.
Fi stqarrija, l-FKNK spjegat li ilha ħafna tissielet sabiex il-moratorju tal-kaċċa tal-gamiem fir-Rebbiegħa jitneħħa.
Sostniet li l-maġġoranza tal-pajjiżi fejn issir il-kaċċa tal-gamiem, mhux qed jaċċettaw il-proposta mressqa mill-KE.
Din l-informazzjoni qalu li ġabuha minn informazzjoni li għandha l-FKNK dwar laqgħat tal-grupp informali EU Expert Group on Birds and Habitats Directives (NADEG). Il-laqgħat saru fit-22 u t-23 ta’ Mejju fi Brussell.
Fl-istqarrija, il-Kap Eżekuttiv tal-FKNK, Lino Farrugia, spjega li l-Greċja, l-Bulgarija u Ċipru ma qablux. Spanja, l-Italja u Malta daħħlu rinunzja minħabba parti mill-moratorju.
Spjega wkoll li l-opinjonijiet ta’ Franza, il-Portugal, ir-Rumanija u l-Awstrija jistgħu possibilment ikunu wkoll kontra l-moratorju madanakollu qal li ma ħarġux ċari mill-laqgħat.
Il-Kummissjoni ħeġġet lill-pajjiżi fejn issir il-kaċċa tal-gamiem biex jibgħatu l-pożizzjonijiet formali tagħhom bil-miktub.
Skont Farrugia, dak li ħareġ mil-laqgħat kien pożittiv, għax qed jibgħat messaġġ ċar lill-Kummissjoni li l-proposta tal-moratorju fil-ħarifa ma sabitx is-sapport tal-istati membri.