Propost proġett turistiku f’Fomm ir-Riħ

Read in English.

Tressqet applikazzjoni ġdida għall-iżvilupp fi proġett ta’ akkomodazzjoni għat-turisti fiż-żona tal-Abatija fit-triq li tagħti għal Fomm ir-Riħ.

L-applikazzjoni PA/09858/19 proposta kienet ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern fl-24 ta’ Diċembru li għadda. L-iżvilupp propost jikkonsisti fi proġett agrituristiku li jinkludi akkomodazzjoni u faċilitajiet għat-turisti. L-istrutturi eżistenti ilhom fil-post minn qabel l-1968 u l-1978 u dawn jinkludu raħal żgħir. Dan l-iżvilupp qed ikun propost barra miż-żona tal-iżvilupp.

Il-pjanti proposti huma mifruxa fuq 1,666 metru kwadru u ġew imressqa mill-Perit Ray Demicoli f’isem Paul Vella għall-kumpanija Ballut Blocks. L-iżvilupp jikkonsisti f’sittax il-kamra lussuża, reception, kċina u post fejn wieħed jiekol, kif ukoll pixxina ta’ 50 metru kwadru. Il-bini propost se jkun fuq sular.

Il-perjodu għas-sottomissjonijiet huwa miftuħ sat-3 ta’ Frar.