Propost kumitat parlamentari fuq il-vjolenza domestika

Il-kunsillier Nazzjonalista ta’ Wied il-Għajn, Charlot Cassar, talab li jitwaqqaf kumitat parlamentari sabiex jiġu indirizzati l-probemi li jitwieldu mill-vjolenza domestika.
F’ittra miftħa mibgħuta liż-żewġ whips tal-partiti ewlenin, Byron Camilleri għall-PL u Dabid Agius għall-PN, Cassar ippropona kumitat li janalizza l-qafas legali u l-proċeduri eżistenti u jirrakkomanda t-tibdil li jeħtieġ isir.
Il-kumitat ikun jieħu ħsieb ukoll li jirrakkomanda kif l-awtoritajiet responsabbli għandhom jissaħħu biex ikunu kapaċi jwettqu dmirhom bl-aktar mod professjonali u effiċjenti.
Ma' dawn ir-rakkomandazzjonijiet, tkompli l-ittra, il-kumitat għandu jfassal pjan ta' implimentazzjoni b'miri ċari u żmien deifinit li fih jitwettqu l-implimentazzjonijiet.
Cassar iddeskriva s-sistema legali bħala waħda antikwata li tinħela fi żmien twil ta’ proċeduri, li matulhom l-aggressur ikompli jingħata l-ispazju jwettaq l-inġustizzji tiegħu, u fl-istess ħin il-ħsara rreparabbli lill-vittmi tibqa’ takkumula.
L-ittra ntbagħtet ukoll lid-Deputat Spiker tal-Parlament, Claudette Buttigieg, lill-Prim Ministru, Joseph Muscat, u l-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, kif ukoll lill-Kap tal-Partit Demokratiku, Marlene Farrugia.