Għadd ‘inkwetanti’ ta’ pazjenti tas-saħħa mentali inċerti dwar l-istatus tagħhom

Stħarriġ li sar ma’ pazjenti f’faċilitajiet tas-saħħa mentali jindika li proporzjon “inkwetanti” tagħhom ma kellhomx idea ċara tas-sitwazzjoni tagħhom, b’pazjenti li daħlu volontarjament jaħsbu li m’għandhomx dritt joħorġu mill-faċilità u pazjenti involontarji jaħsbu li jistgħu.

L-istħarriġ kien parti mix-xogħol ta’ monitoraġġ tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali, u ġie ppubblikat fl-aħħar rapport annwali tiegħu.

Mill-istudju ħareġ li 14% ta’ pazjenti li qed jirċievu trattament b’mod volontarju kienu jaħsbu li ma jistgħux joħorġu mill-faċilità fejn qegħdin, u li 8% oħra ma kinux ċerti jekk jistgħux. Min-naħa l-oħra, 21% ta’ pazjenti involontarji jaħsbu li jistgħu jaqbdu u joħorġu jekk jixtiequ jagħmlu dan.

“Huwa ċar li dan huwa ta tħassib mill-aspett tad-drittijiet tal-pazjent,” stqarr l-uffiċċju.

“Iqajjem ukoll il-kwistjoni jekk il-livell kurrenti ta’ komunikazzjoni bejn, u informazzjoni trasmessa minn, staff u pazjenti dwar dawn u kwistjonijiet rilevanti oħra jistgħux jitjiebu.”

L-istudju sab ukoll konfusjoni fuq jekk pazjenti tawx il-kunsens tagħhom għat-trattament li qed jirċievu.

Filwaqt li anqas minn nofs il-pazjenti qalu li taw il-kunsens tagħhom, il-files tagħhom urew li 73% kienu mlew formola tal-kunsens. Dan, skont l-uffiċċju, jista jindika li pazjenti ma kinux jafu x’kienu qed jiffirmaw.

13% ta’ pazjenti fl-isptarijiet iħossuhom insikuri

Skont l-istħarriġ, 13% tal-pazjenti fi sptarijiet tas-saħħa mentali u 6% ta’ dawk jirċievu trattament f’residenzi irrapurtaw li ma jħossuhomx sikuri. Proporzjon ogħla ta’ pazjenti nisa u ta’ pazjenti involontarji irrapurtaw li ma jħossuhomx sikuri.

Min-naħa l-oħra, 44% ta’ residenti fi sptarijiet u 25% ta’ dawk f’residenzi kellhom ilmenti fuq it-trattament jew fuq is-soġġorn tagħhom. Għal darba oħra, nisa u pazjenti involntarji rrapurtaw aktar ilmenti.

L-uffiċċju qal li kienet meħtieġa azzjoni biex tiġi kkomunikata b’mod xieraq – kemm lill-istaff u lill-pazjenti – il-proċedura tal-ilmenti li għandha tiġi segwita, u li tippromwovi r-rappurtar tal-ilmenti tal-klijenti meta dan ikun meqjus neċessarju minn klijent, billi tiżgura l-investigazzjoni bikrija tagħhom u ilment mhux se jġib riperkussjonijiet negattivi għal klijent.