Propoganda ġiħadista fil-kompjuter tar-raġel li saq fuq suldati Franċiżi

Instabet propoganda ġiħadista fuq il-kompjuter tar-raġel li f’Jum is-Sena l-Ġdida deliberament saq fuq suldati Franċiżi waqt li kienu għassa ma’ Moskea fix-Xlokk tal-pajjiż.
L-investigaturi sabu din il-propoganda ftit tal-ħin wara li l-prosekuturi eskludew terroriżmu bħala motif għall-attakk. Iktar kmieni, il-prosekuzzjoni qalet li m’hemm xejn x’jindika li dan hu att ta’ terroriżmu, minkejja li r-raġel, li għandu 29 sena, li ma jaħdimx u li għandu dixxendenza mit-Tuneż, allegatament instema’ jagħjat “Allahu Akhbar”.
Dakinhar tal-inċident, suldat wieħed sofra ġrieħi ħfief meta ntlaqat mill-karozza li hi tat-tip Peugeot. Ix-xufier, li ma ġiex ippubblikat ismu, qed isofri ġrieħi serji f’idu u f’siequ wara li s-suldati fetħu n-nar. Anzjan ta’ 72 sena li kien fuq il-post weġġa’ meta ntlaqat minn bullet.