Propjetà tad-Djoċesi ta’ Għawdex għas-servizzi tad-dentistrija

DOI / MGOZ - George Scerri

Propjetà f’Għajnsielem tad-Djoċesi ta’ Għawdex, inkriet mill-Ministeru għal Għawdex biex l-Università ta’ Malta tiftaħ dental training cleaning f’Għawdex. Dan il-proġett se jikkonsisti fi klinika dentali li tkun attrezzata bl-aħħar teknoloġija fejn l-istudenti li qed isegwu l-kors tad-dentistrija jkunu jistgħu jagħmlu t-taħriġ prattiku tagħhom u fl-istess waqt jagħtu servizzi varji relatati mad-dentistrija fosthom kampanji ta’ għarfien.  

L-Isqof Mario Grech faħħar din l-inizjattiva b’risq il-poplu Għawdxi għax mhux biss qed tindirizza kwistjoni ta’ saħħa imma tmur oltre. L-Isqof Grech tenna s-sodisfazzjon tiegħu li flimkien mal-Ministeru għal Għawdex se jitnieda dan il-proġett f’sit li hu proprjetà tad-Djoċesi Għawdxija.

Il-Ministru Justyne Caruana rrimarkat li minn studju li sar mill-Fakultà tad-Dentistrija permezz tal-proġett tal-mobile clinic, li wkoll sar bi sħubija mal-Ministeru għal Għawdex, irriżulta li f’Għawdex hemm sfidi fejn jidħlu s-saħħa u l-iġjene orali speċjalment fit-tfal.

Newsbook.com.mt kien irrapporta studju xjentifiku li jgħid li l-Għawdxin ma jaħslux snienhom tajjeb.

AQRA: “L-Għawdxin ma jaħslux snienhom tajjeb” – studju

Issemmew ukoll l-għanijiet edukattivi biex ikun hawn għarfien dwar il-preżenza tal-Università ta’ Malta f’Għawdex kif ukoll iservi ta’ post fejn l-istudenti, taħt superviżjoni, jingħataw taħriġ hands-on.

Ir-Rettur tal-Università l-Professur Alfred Vella qal li l-metodu ta’ tagħlim qed jinbidel fejn illum m’għadniex nitkellmu fuq knowledge triangle imma qed inħarsu lejn knowledge square li tinkludi wkoll il-prattika abbinata mat-tagħlim, mar-riċerka u mal-innovazzjoni. Il-Professur Vella qal li permezz ta’ dan il-ftehim se nilħqu dan l-iskop.

Dan il-ftehim sar bejn id-Djoċesi ta’ Għawdex, il-Ministeru għal Għawdex u l-Fakultà tad-Dentistrija fi ħdan l-Università ta’ Malta.