Projects Malta finalista ta’ premju internazzjonali

Projects Malta Ltd kienet magħżula bħala finalista fil-Partnership Awards tal-2017 li se jsiru f’Londra f’Mejju li ġej.
Din l-entità governattiva taħdem fuq proġetti konġunti bejn il-Gvern u l-Privat.
Projects Malta tinsab fil-kategorija ‘Government PPP Promoter of the Year.” Dan il-kategorija tiġbor fiha dawk li emmnu u ppromovew il-kunċett ta’ Public Private Partnerships.
Il-finalisti f’din il-kategorija huma:

  • National Development Finance Agency, Ireland
  • Projects Malta
  • Rijkswaterstaat, Netherlands
  • Scottish Futures Trust

B’kollox kien hemm aktar minn 100 sottomissjoni għal dawn il-premji internazzjonali u qed ikunu ġġudikati proġetti mill-Ewropa, mill-Asja u mill-Afrika.
Dawn il-premji jagħtu ġieh lis-settur privat u lil entitatjiet governattivi li jkunu wettqu ħidma importanti fuq il-mudell ta’ xogħol konġunt bejn Gvern u Privat.
F’riżultati li tħabbru lbieraħ sar magħruf li Projects Malta, qed tkun rikonoxxuta fil-kategorija għall-fatt li bħala entità governattiva emmnet u ppromwoviet.
Biex waslet għal dan l-istadju l-kumpanija Projects Malta, għal dawn l-aħħar tliet snin bagħtet messaġġ li Malta tassew temmen fis-settur privat.
Iż-żewġ proġetti ewlenin li qed tkun ġudikata fuqhom Projects Malta huma: dak li jipprovdi soluzzjoni ta’ trasport bejn il-Port il-Kbir u ż-żoni ta’ madwar il-Port ta’ Marsamxett u l-ieħor il-proġett ta’ The Imrieħel Enterprise Zone Foundation.
Fost il-proġetti li mexxiet il-quddiem din l-entità kien hemm ukoll l-investiment fl-Isptarijiet St Lukes, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex u l-investiment fuq is-sit tal-ITS f’San Ġiljan.

Ritratt: Ian Noel Pace