Progress limitat ħafna dwar ftehim Brexit

REUTERS/Fabrizio Bensch/File Photo

Read in English.

L-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit irreġistraw progress “limitat ħafna” fin-negozjati dwar ir-relazzjoni futura tagħhom. Dan sostnietu l-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel ilbieraħ. Hija żidiet tgħid li kien għad hemm il-possibbiltà li ma jintlaħaq ebda ftehim.

Ir-Renju Unit ħareġ mill-Unjoni fil-31 ta’ Jannar. Hemm pressjoni kbira biex jintlaħaq ftehim ta’ kummerċ ħieles qabel l-aħħar tas-sena, jiġifieri sat-tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, li matulu ir-Renju Unit baqaż fis-suq komuni u l-unjoni doganali tal-UE.

It-terminu ta’ żmien jiskadi waqt il-Presidenza Ġermaniża tal-UE, li bdiet nhar l-Erbgħa.

Waqt sessjoni fil-Parlament, Merkel ammettiet li l-“progress fid-diskussjonijiet, biex inkunu kawti, huwa limitat ħafna”.

“Ftehmna mar-Renju Unit biex inħaffu d-diskussjonijiet b’mod li nilħqu ftehim sal-Ħarifa li jrid jiġi implimentat sal-aħħar tas-sena”. Iżda l-Ġermanja u l-UE jridu “jkunu preparati…. għall-possibbiltà li ma jintlaħaqx ftehim”.

Serje ta’ negozjati “intensifikati” huma mistennija jkomplu f’dawn il-jiem.

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Heiko Maas ikkritika l-Gvern Ingliż għall-proċess kajman tad-diskussjonijiet. Huwa qal lill-ġurnalisti li “fil-verità ma nafux jekk ir-Renju Unit iridx ftehim jew le”.

Kelliem għal Boris Johnson sostna li ftehim kien possibbli iżda anke r-Renju Unit kien ippreparat għal kull xenarju.

“Nemmnu li nistgħu nilħqu ftehim ta’ kummerċ ħieles iżda konna ċari ħafna li lesti għal kull eventwalità sal-aħħar tas-sena, kemm bi ftehim kummerċjali kif ukoll b’relazzjoni kummerċjali simili għal dik tal-Awstralja”, sostna l-kelliem.

Maas sostna li l-Gvern Ġermaniż qed jimmira li waqt is-summit tal-mexxejja Ewropej tas-17 u t-18 ta’ Lulju jkun jista’ jintlaħaq ftehim dwar il-fond ta’ rkupru Ewropew biex jgħin lill-aktar ekonomiji milquta mill-coronavirus, kif ukoll dwar baġit multi-annwali.

Il-Ġermanja fi ħsiebha wkoll tistabbilixxi dati ġodda għal summit tal-mexxejja maċ-Ċina dwar programm ta’ investiment għal din is-sena, wara li dak pjanat għal Settembru kien pospost minħabba l-istess vajrus.