Progress insinjifikanti f’Direttorat tal-Ministeru għal Għawdex – NAO

Ir-riżorsi umani fid-Direttorat tax-Xogħlijiet fil-Ministeru għal Għawdex huwa wieħed mis-setturi li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar l-NAO sab li kien hemm progress insijnifikanti mir-rapport li kien sar 2017.

Fir-rapport li ġie ppubblikat illum, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar qal li t-tiswija u l-irranġar tat-toroq f’Għawdex kien wieħed effiċjenti madankollu ma kienx hemm progress rigward l-ammont ta’ persuni li jinsabu impjegati mal-Ministeru relatati max-xogħlijiet fit-toroq ta’ Għawdex.

Fir-rakkomandazzjonijet tiegħu l-NAO qal li d-Direttorat tal-Manutenzjoni u Restorazzjoni fil-Ministeru ta’ Għawdex għandu jara li n-nies impjegati jkunu qegħdin jagħtu l-ammont ta’ xogħol li qegħdin jitħallsu għalih. L-NAO innota li l-ammont ta’ nies impjegati kien wieħed sostanzjali u matul dawn l-aħħar tliet snin naqsu bi ftit.  Matul l-2019, intefqu aktar minn €1.9 miljun f’pagi tal-ħaddiema fiż-żewġ dipartimenti relatati max-xogħlijiet tat-toroq f’Għawdex. L-NAO qal li jsibha diffiċli jifhem kif 120 persuna impjegati qegħdin jaħdmu b’mod effiċjenti fix-xogħlijiet relatati mat-toroq Għawdxin.

Fir-rakkomandazzjonjiet tiegħu fl-2017, l-NAO kien irrakomanda li l-ħaddiema jingħataw it-taħriġ kollu neċessarju. L-NAO f’dan ir-rapport ippubblikat illum qal li ġie infurmat li t-taħriġ li kien ippjanat għal din is-sena kellu jiġi pospost minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

F’dan ir-rapport 66% tar-rakkomandazzjonijiet ġew implimentati bis-sħiħ jew sar progress sinjifikanti. 25% tar-rakkomandazzjonijiet ġew implimentati parzjalment filwaqt li 9% ma ġewx implimentati jew ma sarx progress.

Wieħed jista’ jara r-rapport kollu tal-NAO minn hawn.