Progress fit-testijiet għal vaċċin fir-Renju Unit

FILE PHOTO: REUTERS/Dado Ruvic/Illustration/

Vaċċin potenzjali għall-coronavirus jgħaddi livell ieħor: mistenni jibda t-testijiet tat-tielet fażi fir-Renju Unit

Novavax ħabbret li wasslet biex tibda t-tielet fażi ta’ testijiet sperimentali fuq vaċċin għall-COVID-19 fir-Renju Unit.

Il-kumpanija Amerikana tal-bioteknoloġija qalet li kienet se tirreġistra 10,000 voluntier ta’ etajiet ta’ bejn 18 u 84 sena bejn l-erba’ u s-sitt ġimgħat li jmiss.

B’hekk Novavax, tingħaqad ma’ AstraZeneca, Pfizer u Moderna b’vaċċin fl-aħħar fażi tal-proċess ta’ approvazzjoni regolatorja. B’kollox hemm madwar 40 vaċċin potenzjal li qed jiġi ttestjat globalment u aktar minn 140 oħrajn fil-fażijiet inizjali tal-ittestjar skont l-Organzizazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

Nofs il-voluntiera fit-test ta’ Novavax se jingħataw żewġ tilqimiet ta’ NVX-CoV2373 flimkien ma’ Matrix-M, aġġuntiv li hu intiż li jsaħħaħ il-vaċċin. Nofshom se jingħataw plaċebo.

Mal-400 voluntier se jingħataw it-tilqim staġjonali tal-influwenza flimkien mal-vaċċin tal-COVID-19 biex tkun evalwata l-effettività li dawn it-tnejn jingħataw f’daqqa.

Madwar 25% tal-parteċipanti se jkollhom 65 sena jew aktar u t-test se jipprijotizza dawk il-gruppi li l-aktar intlaqtu mill-COVID-19, fosthom dawk minn minoranzi etniċi.

Il-vaċċin ta’ Novavax huwa t-tieni wieħed li se jidħol fit-tielet fażi fir-Renju Unit, b-ewwel wieħed ikun żviluppat mill-Università ta’ Oxford u AstraZeneca.

Gregory M Glenn, President tar-Riċerka u l-Iżvilupp ta’ Novavax, qal li t-tim kien “ottimist” li t-testijiet se juri l-effikaċja tal-vaċċin fi ftit żmien u espreima konvinzjoni li d-dejta li se tinġabar se twassal biex il-vaċċin jingħata liċenzja fir-Renju Unit, fl-Unjoni Ewropea u f’pajjiż oħra.

Il-kumpanija qalet li t-testijiet pre-kliniċi wrew li l-vaċċin kien “ġeneralment tollerat” u pproduċa “rispons b’saħħtu ta’ antikorpi” aktar minn dawk li dehru f’pazjenti li kienu qed jirkupraw mill-vajrus.

Din l-aħbar wasslet għal żieda ta’ 6% fl-ishma ta’ Novavax.