Programmi, uċuħ u kunċetti ġodda fuq 103

Read in English.

Illum it-Tnejn, 7 ta’ Settembru u l-istazzjon 103 Malta’s Heart skatta l-iskeda l-ġdida tiegħu. Iċ-Channel Manager ta’ 103 Arthur Caruana waqt Newsbook Q&A qal li din l-iskeda ġdida kienet iddisinnjata biex taqdi l-mod kif l-udjenzi tal-lum isegwu stazzjonijiet tar-radju. “Programmi ġodda, uċuħ ġodda, kunċettu ġodda se jkunu qed jixxandru,” qal Caruana.

103 Morning Show ġdid

Caruana spjega li l-103 Morning Show kien iddissinjat mill-ġdid mhux biss biex ikun hemm bilanċ bejn mużika u diskors, iżda wkoll ivarja d-djalogu minn suġġetti ħfief u informazzjoni sustanzjali u aħbarijiet. Żieda ġdida fil-103 Morning Show se tkun Angele Galea, attriċi u magħrufa fuq il-midja. Hi sostniet li tinsab eċitata li se tkun fuq dan il-breakfast show waqt li kienet intervistata fuq Newsbook Q&A.

Parteċipant ieħor fuq dan il-programm se jkun Ian Busuttil Naudi. Ian, li huwa espert tat-teknoloġija, ilu jipparteċipa fil-breakfast show flimkien ma’ Arthur u Jesmond Saliba għal dawn l-aħħar xhur. Hu jippromwovi wkoll l-użu tajjeb u responsabbli tal-midja soċjali. Flimkien ma’ Angele, Arthur u Jes se jkunu qed jiddiskutu suġġetti varji u jikkuntattjaw diversi esperti fuq suġġetti kurrenti li huma ta’ interess għall-familji tal-lum.

Jes Saliba se jkompli jaġġorna lis-segwaċi bl-aħħar aġġornamenti tal-aħbarijiet u informazzjoni oħra sa nofsinhar. Hu se jkun qed jagħmel ukoll intervisti qosra li se jservu bħala l-bażi tad-diskussjoni waqt il-Morning Show.