Programmi speċjali f’għeluq il-100 sena anniversarju mit-twelid ta’ Alberto Sordi

Nhar it-Tnejn 15 ta’ Ġunju jaħbat il-100 sena minn mindu kien twieled l-attur ċelebri Taljan Alberto Sordi, li kien miet nhar l-24 ta’ Frar tal-2003. Biex jiċċelebraw dan l-anniversarju Mediaset ħejja bosta programmi li se jkunu qed jixxandru fuq l-istazzjonijiet tiegħu mil-lum is-Sibt sa nhar it-Tnejn.

Is-Sibt 13 ta’ Ġunju Canale 5 se jkun qed ixandru programm speċjali imtella’ mill-kamra tal-aħbarijiet. Il-programm Magnifico Testimone se jkun qed jixxandar f’nofsillejl u se jkun ippreżentat minn Anna Praderio. F’dan l-istess programm se jkunu qed jixxandru intervisti li kienu saru ma’ Sordi fl-1995 u fl-1999. Se jitwasslu wkoll intervisti ma’ Carlo Verdone, Enrico Montesano, Gigi Proietti u Paola Comin, li kienu ħadmu ma’ Sordi.

Il-Ħadd 14 ta’ Ġunju fis-2.05pm Canale 5 se jxandar il-film In Viaggio con Papà li kien inħadem fl-1982 b’Alberto Sordi u Carlo Verdone. Eżatt warajh, fil-4.50pm jixxandar il-film Io so che tu sai che io so, ukoll tal-1982, b’Alberto Sordi u Monica Vitti fil-partijiet ewlenin.

It-Tnejn 16 ta’ Ġunju fit-3.30pm Rete 4 se jkun qed ixandar Polvere di Stelle, li Alberto Sordi kien ħadem fl-1973 flimkien ma’ Monica Vitti.

Fl-istess jum, iżda fuq Mediaset Extra, fid-9.15pm se jkun qed jixxandar il-programm In ordine alfabetico: Gassman, Sordi, Vitti, li kien ittella’ fl-1999 bi preżentazzjoni ta’ Maurizio Costanzo u Enrico Mentana.