Programmi speċjali biex titfakkar il-memorja tal-Prinċipessa Diana

F’okkażjoni tat-22 sena anniversarju mill-mewt tal-Prinċipessa Diana, illum l-istazzjon Taljan tal-Mediaset La 5 se jkun qiegħed jiddedika diversi programmi li jvarjaw minn dokumentarji għal films.

Il-Prinċipessa Diana mietet fl-età ta’ 36 sena bħal-lum fl-1997 u sal-lum għadha mibkija madwar id-dinja.

Dawk li huma interessati li jsegwu dawn jew uħud mill-programmi, l-iskedi hija kif  ġej:

Prince William’s Story of the Princess Diana (4.35pm)

Dokumentarju li nħadem sentejn ilu meta Diana għalqet 20 sena mejta u matulu naraw lil binha, il-Prinċep William, jirrakkonta kif id-divorzju minn ma’ missieru l-Prinċep Charles, ir-relazzjoni ta’ ommu mar-Reġina u l-mewt ta’ ommu, effettwawlu ħajtu.

Diana, Our Mother, Her Life and Legacy (5.35pm)

Maħdum ukoll fl-2017, dan id-dokumentarju ġibed udjenza ta’ seba’ miljun telespettatur meta xxandar għall-ewwel darba fl-Ingilterra. Jinkludi intervisti mal-Prinċep Harry u mal-Prinċep William, kif ukoll ma’ ħu l-Prinċipessa Diana, Charles Spencer, u ma’ Elton John, li kien wieħed mill-ħbieb l-aktar qrib tal-Prinċipessa.

Matul id-dokumentarju naraw l-impatt li l-Prinċipessa kellha fuq uliedha, kif ukoll il-ħidma tagħha biex tgħin persuni bla darm u anki dawk li kellhom il-kanċer u l-AIDS.

Speciale Lady Di (9.15pm)

Programm speċjali mmexxi mill-ġurnalista Lavinia Orefici li flimkien mal-editur tar-rivista Novella, Roberto Alessi, twassal l-istorja ta’ Diana, u tiffokka fuq l-istejjer li ħarġu fil-ġurnali, il-paparazzi, il-ħwejjeġ li hija kienet tilbes, u anki l-istil ta’ ħajja tagħha.

Dan il-programm jerġa’ jixxandar għada l-Ħadd, l-1 ta Settembru fil-5.25pm.

Diana (11.35pm)

Ritratt: Bim

Naomi Watts hi l-protagonista f’dan il-film tal-2013 b’direzzjoni ta’ Oliver Hirschbiegel. Jiffoka fuq l-aħħar sentejn tal-Prinċipessa Diana. Il-film huwa  bbażat fuq il-ktieb biografiku Diana: Her Last Love li Kate Snell ippubblikat fl-2001.

Matul il-lejl ikun hemm ukoll ripetizzjoni ta’ dawn il-programmi.

Nhar it-Tlieta li ġej, 3 ta’ Settembru, fid-9.10pm, l-istess stazzjon se jkun qed ixandar programm ieħor speċjali, Stile Reale, mmexxi minn Lavinia Orefici u l-editur tar-rivista Nuovo, Riccardo Signoretti. Matulu se jitrattaw l-istil ta’ ħajja tal-membri tal-familja Rjali, il-ħwejjeġ li jilbsu u saħansitra l-aħħar edizzjoni tar-rivista Vogue li kellha bħala editur lil Meghan.

AQRA: Meghan ikkritikata għax ma għażlitx lir-Reġina għal fuq il-Vogue