Programm tal-UE jgħin iktar minn 2,500 ħaddiem

Il-programm Employment Aid Programme tal-Unjoni Ewropea, li minnu Malta bdiet tgawdi mill-2009 ’l quddiem, għen 2,540 ħaddiem li permezz tiegħu sabu mpjieg fis-settur privat fl-istess snin f’Malta jew f’Għawdex.

Dan ħareġ minn tweġiba li ta l-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo għal mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Marthese Portelli. Dawn il-ħaddiema ġew impjegati ma’ 1,064 intrapriża differenti.

Il-programm, li ħallas parti mill-paga tal-ħaddiema għal perjodu ta’ żmien, fisser l-investiment ta’ ftit iktar minn €13-il miljun.

Fi tweġiba għal mistoqsija separata marbuta max-xogħol u li saret mill-istess deputat, Evarist Bartolo qal li fid-diskors tal-Baġit għas-sena 2014, il-Gvern ħabbar diversi inizjattivi biex min iħaddem ikollu inċentivi sabiex jimpjega persuni qegħda ta’ bejn il-45 u l-65 sena, kif ukoll għal persuni li ilhom jirreġistraw għax-xogħol aktar minn sentejn.

Hu qal ukoll li l-Gvern se jinċentiva lil min iħaddem jekk dawn jipprovdu work placement jew jipprovdu taħriġ lill-apprendisti. Ġenituri weħidhom ukoll se jiġu megħjuna biex jieħdu t-taħriġ.

Hu spjega li peress li ħafna minn dawn l-inizjattivi jikkonsistu minn tnaqqis ta’ taxxa, il-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ għaddejja b’diskussjonijiet mad-Dipartiment tat-Taxxi Interni biex jiġi kkordinat il-mod ta’ kif jitħaddmu dawn l-inċentivi.