Imniedi programm ta’ xogħol fis-sajf għal studenti tal-ICT

L-Aġenzija Maltija tat-Teknoloġija Informatika, il-MITA, nediet programm li jagħmilha eħfef għall-istudenti tal-ICT sabiex dawn isibu xogħol għas-sajf relatat mal-qasam tagħhom.
Din hija d-disa’ darba li dan il-programm qed jitnieda, u waqt iċ-ċerimonja kien hemm preżenti l-Ministru għall-Kompetittività, Manwel Mallia, li faħħar l-inizzjattiva tal-MITA u rrimarka li huwa importanti li l-istudenti u ż-żgħażagħ jiġu offruti l-opportunitajiet biex jitħarrġu għax-xogħol u għall-irwoli tagħhom fil-futur.
Se jkunu qed jibbenefikaw minn dan il-proġett ftit aktar minn 300 student li jistudjaw l-ICT l-Università, l-MCAST, jew għandhom kwalifika fis-suġġett ta mhux inqas minn Livell 4 skont il-Qafas Malti tal-Kwalifiċi.
L-għan ewlieni tal-Istudent Placement Programme (SPP), qal il-Ministru, huwa li jħarreġ lill-istudenti bil-ħiliet u l-għarfien li għandhom bżonn kemm meta jkomplu bl-istudji wara s-sajf, kif ukoll ladarba joħorġu jaħdmu.
Spjega kif permezz ta’ formoli elettroniċi, min iħaddem jista’ jagħżel x’ħiliet u l-ammont ta’ studenti li għandu bżonn, filwaqt li fl-aħħar tal-placement jintużaw biex min iħaddem jieħu lura l-flus dovut lilu.
Sadanittant, iċ-Ċermen tal-MITA, Tony Sultana, spjega kif se jaħdem dan il-proġett. Se jingħata 50% sussidju tas-salarju tal-istudenti lill-industrija privata, filwaqt li jingħata 100% tas-salarju lil dawk l-entitajiet fis-settur u s-servizz pubbliku u lill-għaqdiet mhux governattivi.
L-istudenti se jkollhom 330 siegħa xogħol li se jiġu ssussidjati u min iħaddem jista’ jqassamhom kif inhu l-aħjar għalih.
Dawk l-organizzazzjonijiet interessati li jħaddmu studenti għas-sajf, għandu jirreġistra fuq is-sit tal-MITA.