Programm ta’ tindif u manutenzjoni għall-Park Nazzjonali ta’ Malta

DOI - James Galea

Proġett ta’ tindif u manutenzjoni li mistenni jdum diversi ġimgħat ngħata l-bidu llum f’Ta’ Qali.

L-inħawi u l-madwar tal-family picnic area f’Ta’ Qali se tiġi mnadfa u se jitħawwlu wkoll 80,000 siġra. Dan tħabbar is-Sibt filgħodu minn numru ta’ Ministri u Segretarji Parlamentari waqt konferenza tal-aħbarijiet fuq il-post.

Il-proġett se jsir fuq is-sit fejn kien hemm fabbrika tal-konkrit, u l-art li dwarha Newsbook.com.mt kien żvela rimi llegali ta’ skart tal-kostruzzjoni li ksiet mhux biss medda wiesgħa ta’ art imma ukoll parti sew minn dak li fadal mill-binja ta’ Southern Concrete Ltd.

Il-proġett ta’ riġenerazzjoni se jiġi mmanġġjat minn Ambjent Malta.

Il-Park Nazzjonali ta’ Malta se jkun jinkludi numri ta’ spazji rikreattivi, spazji għall-kampeġġ, spazji għall-kunċerti, faċilitajiet għall-mixi u għaċ-ċikliżmu, pjattaforma għall-arti u għall-arkivji nazzjonali, faċilitajiet għall-bdiewa u estensjoni tad-dog park.

Il-kordinatur tal-Park Nazzjonali ta’ Malta Jason Micallef stqarr li matul il-ġimgħat li ġejjin se jkomplu jagħtu prova ċara kif permezz ta’ kordinament bejn il-ministeri u l-awtoritajiet differenti dan il-proġett kapitali se jitwettaq tajjeb u fil-ħin.

Il-konferenza stampa ġiet indirizzata mill-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera, il-Ministru għall-Gvern Lokali Owen Bonnici, il-Ministru għall-Proġetti Kapitali Ian Borg, is-Segretarju Parlamentari għall-Iżvilupp Chris Agius u s-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika Deo Debattista.