Programm ta’ Residenza: kważi kollha jikru flok jixtru propjetà f’Malta

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li fil-parti l-kbira tal-applikanti li jiġu aċċettati taħt il-Malta Residence and Visa Programme, jiddeċiedu li jikru minflok jixtru l-propjetà tagħhom f’Malta.
Fil-Parlament, Joseph Muscat qal li f’40 minn 43 każ li ġew aċċettati, l-applikanti krew propjetà f’Malta hekk kif inhu mitlub fil-liġi. It-tlieta l-oħra, spjega l-Prim Ministru, iddeċidew li jixtru l-propjetà tagħhom.
Il-Prim Ministru Muscat ta wkoll rendikont ta’ f’liema stadju waslu dawn l-applikazzjonijiet. Spjega li minbarra t-43 applikazzjoni li ġew approvati u ħadu ċ-ċertifikat tar-residenza, hemm 36 oħra li ġew approvati iżda għadhom qed jistennew xi dokumentazzjoni finali.
Sostna li hemm 118-il applikazzjoni oħra li għadhom qed jiġu mgħarbla, filwaqt li tlieta ġew rifjutati.
"Profitt ta' 1.2 miljun ewro"
Il-Prim Ministru kompla jgħid li sa Ġunju ta’ din is-sena, l-Aġenzija ta’ Residenzi b’Investiment għamlet profitt ta’ €1.2 miljun, u li dawn il-flus ġew depożitati f’kont kurrenti tal-istess aġenzija.
Meta kien qed iwieġeb sensiela ta’ mistoqsijiet mid-deputat Laburista Silvio Grixti, il-Prim Ministru semma kif l-għadd totali ta’ applikazzjonijiet li ġew sottomessi taħt il-programm Malta Residence and Visa Programme kien ta’ 200.
Qal li dawn l-applikazzjonijiet fetħu f’Ġunju tal-2016.
Ritratt: Arkivji