Programm ta’ Ħadd Għalik b’MPs ma jixxandarx

Iż-żewġ partiti jirreaġixxu

Credit: PBS

Il-programm ‘Ħadd Għalik’, li kien mistenni jlaqqa’ Membri Parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra tad-deputati ma’ atturi tal-Pantomimi, ġie pospost.

Is-sospensjoni tal-edizzjoni ta’ Ħadd Għalik li kellha tixxandar il-Ħadd wara nofsinhar ġiet sospiża wara li ż-żewġ deputati Nazzjonalisti li kienu ser jipparteċipaw fiha l-Viċi Kap David Aguis u d-deputat Toni Bezzina qalu lill-produtturi  illi m’għandhomx il-permess tagħhom biex ixxandar kwalunke silta li turi lilhom.

Kien f’ċirkostanzi differenti minn dawk tal-lum – PN

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li dal-programm kien ilu rekordjat mit-12 ta’ Novembru f’ċirkostanzi differenti minn dawk tal-lum u għalhekk esiġa li l-programm ma jixxandarx.

Żied jgħid li tul is-snin id-deputati tal-Partit Nazzjonalista dejjem taw il-kontribut tagħhom fi programmi ta’ dan it-tip, iżda t-trażmissjoni ta’ dan il-programm ma kinitx aċċetabbli għad-deputati Nazzjonalisti. Qalu li dan għamluh mingħajr l-ebda diżrispett lejn dawk kollha li ħadu sehem fil-programm dakinhar, fosthom id-Deputati Laburisti.

Il-PN juri li nħakem minn dawk li jridu jnisslu l-firda – PL

B’reazzjoni għal dan, il-Partit Laburista qal fi stqarrija li b’din l-attitudni, il-Partit Nazzjonalista qed juri li nħakem minn dawk li jridu jnisslu l-firda. 

Żied jgħid li fi żmien fejn il-poplu jfittex li jwarrab id-differenzi, il-Partit Nazzjonalista qed jagħmel minn kollox biex dawn id-differenzi joħloqhom. 

PBS jiskuża ruħu

Il-PBS min-naħa tiegħu fi stqarrija skuża ruħu mat-telespettaturi, li minflok il-programm skedat ixxandar repetizzjoni ta’ edizzjoni oħra. Żied jgħid li kontra dak li ġie mxandar f’midja oħra, il-PBS ma rċeviet fl-ebda direttiva mill-Awtorità tax-Xandir jekk il-programm għandux jixxandar jew le.

Qal li wara l-insistenza taż-żewġ parteċipanti li rtiraw il-parteċipazzjoni tagħhom, il-PBS ħa d-deċiżjoni tiegħu fid-dawl li programm ta’ dan il-ġeneru għandu ħsieb uniku; li jagħti gost lill-udjenza u m’għandux ikun ċentru ta’ kontroversja.

Fin-nuqqas ta’ qbil minn uħud mill-parteċipanti u fid-dawl tan-nuqqas ta’ ħin sabiex jinstab kompromess, il-PBS ħasset li d-deċiżjoni għaqlija ta’ l-istazzjon nazzjonali kellha tkun li l-programm skedat għal lum jigi sospiż.