Programm ta’ 60 minuta fl-Amerka jiddiskuti dak li hu “mnawwar” f’Malta

Programm ta’ 60 minuta li se jkun qed jixxandar fuq l-istazzjon televiżiv fl-Istati Uniti, CBS, se jkun qed juri intervista li saret mal-Membru Ewro-Parlamentari Soċjalista Ana Gomes, fejn tkellmet dwar dak li skontha hu “mnawwar” f’Malta.

Il-programm li jismu 60 Minutes Reports se jkun qed jixxandar fit-23 ta’ Diċembru fis-7pm fl-Istati Uniti, jiġifieri fl-24 ta’ Diċembru fis-1am ħin lokali.

F’artiklu fuq is-sit ta’ CBS, ġie spjegat kif Gomes sostniet li minkejja li Malta għandha poplu mill-aħjar u storja impekkabbli, l-atmosfera politika li għandha bħalissa hija “mnawwra”. Fost l-ispunti li jsemmi l-artiklu dwar Malta hemm li l-pajjiż huwa involut f’serje ta’ skandli li jinvolvu allegazzjonijiet ta’ tixħim u ħasil tal-flus qalb għadd ta’ uffiċjali Maltin. Gomes insistiet li l-Gvern qed jittollera atmosfera ta’ impunità. Ġie spjegat li Gomes tinsab inkwetata wkoll dwar l-andament tal-investigazzjonijiet fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-preżentatur tal-programm, Jon Wertheim, tkellem ukoll ma’ iben il-ġurnlista, Matthew Caruana Galizia, li qal li l-assassinju ta’ ommu kien mod kif jintbagħat messaġġ lilu u lil familtu u lil dawk kollha li kienu lesti jikxfu xi tip ta’ korruzzjoni fil-pajjiż.