Programm mużikali li jista’ jitgawda minn kulħadd

Taħt il-programm Festi Inklussivi, l-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu se tkun qed itella’ l-Programm Mużikali tagħha tal-festa, il-Ġimgħa 9 ta’ Awwissu 2019, b’mod differenti sabiex ikun jista’ jitgawda minn kulħadd.

Filfatt l-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu, permezz tal-mużika, permezz tal-awdjo-viżiv, tal-kotba braille, tal-lingwa tas-sinjali u anke permezz ta’ xandira diretta, se tkun qed tagħmel l-almu tagħha sabiex kulħadd, inkluż persuni b’diżabiltà, ikunu jistgħu jgawdu l-festa ta’ San Gejtanu.

L-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu hija kburija li permezz tal-mużika se tkun qed twassal il-ferħ li ġġib magħha l-festa Maltija lil kull min għal xi ħaġa jew oħra jsibha aktar diffiċli minn ħaddieħor sabiex igawdi l-briju, il-mużika, dak kollu li jagħmel festa Maltija dik li hi.

L-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu tixtieq tirringrazzja lis-Segretarjat Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità, is-CRPD u kull entità oħra li qed tgħin sabiex dan il-Programm Mużikali taħt l-iskema maħruġa mill-Gvern, ‘Festi Inklussivi’ tkun tista’ tirnexxi.

Il-programm mużikali se jittella’ biswit il-Knisja Parrokkjali ta’ San Gejtanu nhar il-Ġimgħa 9 ta’ Awwissu 2019 fit-8.15pm u l-Banda San Gejtanu se tkun taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur tagħha Mro. Jonathan Borg FLCM, il-kantanti Kurt Calleja u Tiziana Calleja, it-tenur Joseph Aquilina, il-Baritonu Albert Buttigieg u l-Coro Bel Canto taħt id-direzzjoni tas-Surmast Herman Farrugia Frantz.