Programm li nħadem meta Papa Ġwanni Pawlu II għalaq 80 sena

San Ġwanni Pawlu II ħalla legat qawwi lill-Knisja u lid-dinja

Illum Ħadd il-Għid l-istazzjon Taljan Rai 3 se jkun qed iwassal programm li nħadem fl-2001 f’okkażjoni ta’ għeluq it-80 sena ta’ Papa Ġwanni Pawlu II.

Il-programm se jixxandar fis-1pm u huwa edizzjoni ms-sensiela Enzo Biagi: Le Grandi Interviste u huwa intitolat Karol Wojtyla: appunti su un prete polacco.

Oriġinarjament dan il-progamm kien inħadem għal Rai Uno u għal Biagi kien mar il-Polonja fejn żar il-postijiet fejn il-Papa qatta’ t-tfulija tiegħu: l-ewwel parroċċa u anki jmur fuq il-muntanja fejn kien imur skiing.

Biagi intervista wkoll lil bosta ħbieb tal-Papa li f’żgħożithom kien jaħdmu ma’ Karol Wojtyla fit-teatru.

Papa Ġwanni Pawlu II miet nhar it-2 ta’ April 2005 u sal-lum għadu maħbub u mfakkar madwar id-dinja. 

Għalkemm għaddew 19-il sena minn fuq dan il-programm li se juri Rai Tre llum wara nofsinhar, xorta waħda jibqa’ relevanti biex jurina x’kien wassal biex Karol Wojtyla kien daqshekk maħbub madwar id-dinja.