Programm ġdid fl-iskejjel sekondarji dwar relazzjonijiet abbużivi

Il-Fondazzjoni St Jeanne Antide nediet programm innovattiv mal-istudenti fi skejjel sekondarji dwar aktar għarfien dwar relazzjonijiet abbużivi.
Is-sessjonijiet se jkunu qed isiru fl-iskejjel stess minn persuni mħarrġa, li se jkunu qed jagħtu informazzjoni u għarfien dwar kif tinduna li relazzjoni aktarx se twassal għall-abbuż, kif ukoll kif tilqa’ għal abbużi eżistenti.
Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Helena Dalli, attendiet waħda minn dawn is-sessjonijiet ma’ studenti tat-tielet sena mill-Kulleġġ San Ġorġ Preca tal-Ħamrun.
Fi stqarrija Dalli enfasizzat l-importanza ta’ sessjonijiet bħal dawn li jgħinu lill-istudenti jifhmu l-perikli li ġġib magħha l-vjolenza. Hija ħeġġet lill-istudenti biex ikunu kritiċi u ma jaċċettawx sitwazzjonijiet ta’ vjolenza, inkluż dik fiżika, sesswali, psikoloġika, ekonomika u emozzjonali.
Il-Ministru faħħret il-fatt li l-proġett qed jinkludi wkoll lill-irġiel u lis-subien permezz tal-involviment tal-għaqda Men Against Violence f’suġġett li dejjem kien assoċjat man-nisa bħala l-vittmi.
Il-Fondazzjoni St. Jean Antide kienet twaqqfet mis-Sorijiet tal-Karità fl-2007, u toffri bosta servizzi lil persuni morda mentalment, taħriġ lil tfal vulnerabbli fil-ħila tal-qari u l-kitba, kif ukoll toffri sapport lill-vittmi ta’ abbużi domestiċi.
Dan il-programm seta' jsir permezz ta' fondi mill-Iskema għall-Proġett tal-Organizzazzjonijiet Voluntarji (VOP).
Ritratt: DOI – Charles Zammit