Programm aġġornat taż-żjara ta’ Papa Franġisku fi tliet pajjiżi Afrikani

Logo taż-żjara tal-Papa Franġisku fi tliet pajjiżi Afrikani

Il-Vjaġġ Apostoliku li Papa Franġisku se jagħme bejn l-4 u l-10 ta’ Settembru li ġej se jieħdu fi tliet pajjiżi Afrikani: il-Mozambique, il-Madagascar u l-Mauritius. F’dawn il-jiem, l-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan ħabbar l-aħħar dettalji tal-vjaġġ.

L-Erbgħa, 4 ta’ Settembru                      

08:00 Il-Papa jitlaq bl-ajru mill-ajruport ta’ Fiumicino f’Ruma għal dak ta’ Maputo. Wara titjiera ta’ aktar minn 10 siegħat jasal fl-ajruport tal-Możambique fejn jingħata merħba uffiċjali u wara jirtira fin-Nunzjatura Apostolik għall-mistrieħ.

Il-Ħamis 5 ta’ Settembru

09.45 F’Maputo li hi l-belt kapitali tal-Mozambique Papa Franġisku jibda l-ġurnata billi jagħmel żjara ta’ kortesija lill-President tal-pajjiż fil-Palazz ta’ Ponta Vermelha. Wara, fl-istess Palazz, jiltaqa’ u jindirizza lill-awtoritajiet tal-pajjiż, is-soċjetà ċivili u l-membri tal-Korp Diplomatiku akkreditati għall-Mozambique

11:00 Il-Papa jippresiedi laqgħa Inter-reliġjuża maż-żgħażagħ fil-Pavillion Maxaquene u wara jmur għall-pranzu fin-Nunzjatura Apostolika.

16:15 Laqgħa mal-Isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi rġiel u nisa, persuni konsagrati, seminaristi, katekisti u animaturi. Din il-laqgħa se ssir fil-Katidral tal-Immakulata Kunċizzjoni fejn il-Papa mistenni jkellem lil dawk mistiedna.

Il-Ġimgħa 6 ta’ Settembru

08:45  Il-Papa Franġisku jibda din il-ġurnata bi żjara fl-Isptar Zimpeto u wara jmur fl-istadju tal-istess belt fejn iqaddes quddiesa fil-beraħ u jagħmel Omelija.

12:25 Ċerimonja tat-tluq fl-ajruport ta’ Maputo qabel il-Papa jaqbad titjira li twasslu fl-ajruport ta’ Antananarivo, erba’ siegħat wara.

16:30 Mal-wasla tiegħu fil-Madagascar jingħata merħba uffiċjali fl-ajruport stess u mbagħad jirtira għall-mistrieħ.

Is-Sibt 7 ta’ Settembru      

09:30 Il-Papa jagħmel żjara ta’ kortesija lill-President ta’ dan il-pajjiż fil-Palazz Presidenzjali.

10:15 Papa Franġisku jmur fis-Ceremony Building li jifforma parti mill-istess Palazz Presidenzjali biex jindirizza lill-awtoritajiet tal-pajjiż, membri tas-soċjetà ċivili u membri tal-Korp Diplomatiku.

11:15 Il-Papa jieqaf fil-Monesteru tal-Patrijiet Karmelitani Skalzi fejn wara sessjoni ta’ talb ikellem lil dawk miġbura.  Wara jkollu pranzu fin-Nunzjatura Apostolika.

16:00 Fil-Katidral ta’ Andojalo, Papa Franġisku jiltaqa’ u jkellem lill-Isqfijiet tal-Madagascar.

17:10 Żjara lill-qabar tal-Beatu Victoire Rasoamanarivo

18:00 Papa Franġisku jipparteċipa f’Velja maż-żgħażagħ fid-djoċesi ta’ Soamandrakizay. Din tkun l-aħħar attività tal-ġurnata.

Il-Ħadd 8 ta’ Settembru

10:00 Il-Papa jiċċelebra quddiesa fil-beraħ f’Soamandrakizay li fiha jagħmel ukoll Omelija importanti u wara jmur fin-Nunzjatura Apostolika fejn ikollu pranzu flimkien mad-delegazzjoni li qed takkumpanjah f’dan il-vjaġġ.

15:10 Żjara fil-“Belt tal-Ħbiberija” f’Akamasoa u talb għall-ħaddiema fil-lant tax-xogħol ta’ Mahatzana.

17:10 Il-Papa jiltaqa’ mas-saċerdoti, reliġjużi, persuni konsagrati u seminaristi f’St Michael’s College.

It-Tnejn 9 ta’ Settembru

07:30 Kmieni filgħodu l-Papa jitlaq mill-Madagascar għal Port Louis fil-Mauritius – titjiera ta’ tliet siegħat.  Mal-wasla fl-ajruport jingħata merħba uffiċjali.

12:15 Quddiesa bl-omelija fejn il-Monument ta’ Marija Reġina tal-Paċi.

16:25 Il-Papa jagħmel żjara privata fis-Santwarju ta’ Pere Laval.

16:55 Żjara ta’ kortesija lill-President tal-Mauritius fil-Palazz Presidenzjali u fl-istess post ikollu wkoll laqgħa mal-Prim Ministru.

17:40 L-aħħar appuntament uffiċjali taż-żjara tkun laqgħa mal-awtoritajiet tal-pajjiż, membri tas-soċjetà ċivili u membri tal-Korp Diploatiku.

18:45 Wara tislima uffiċjali fl-ajruport ta’ Port Louis, il-Papa jitlaq lejn l-ajruport ta’ Antananarivo.

 It-Tlieta 10 ta’ Settembru

09:00 Papa Franġisku flimkien mad-delegazzjoni tiegħu u ġurnalisti li akkumpanjawh tul il-vjaġġ, jaqbad l-ajruplan lura lejn Ruma fejn jasal għal ħabta tas-7.00 p.m. u jibqa’ sejjer għall-mistrieħ f’Santa Marta fil-Vatikan.