Proġetti biex tinbena attitudni aktar pożittiva lejn il-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa

Tliett proġetti ġodda tnedew fil-qasam tas-saħħa b’fondi Ewropej bil-għan li jħejju 6,700 ħaddiem fis-saħħa għal servizz ta’ kwalità aħjar.
L-ewwel proġett li għandu l-valur ta’ €3.3 miljun, u li jġib l-isem ta’ Non-Technical Skills Training for Healthcare Personnel mistenni jibni attitudni pożittiva lejn il-ħaddiema fis-settur tas-saħħa u jagħti kunfidenza ikbar lill-pazjenti u l-familjari tagħhom.
It-Tieni proġett b’valur ta’ €2.1 miljun, u li jismu’ Developing Allied Health Capacity to Sustain Health Care Needs se jkun qed jiffoka f’oqsma speċjalizzati, partikolarment l-għajnejn u l-prostetika. Minn dan il-proġett, 10 studenti se jintgħażlu biex jieħdu t-taħriġ tagħhom f’universitajiet barra minn Malta.
€2.2 miljun se jiġu investiti fit-tielet proġett li jismu’ Establishing a National Platform to Address Social Determinants of Health. It-taħriġ se jingħata lil 700 individwu u huwa mmirat sabiex inaqqas problemi determinati mid-dimensjoni soċjali fis-saħħa tal-Maltin.
Għall-konferenza tal-aħbarijiet li fiha tħabbru dawn il-proġetti fil-qasam tas-saħħa kien hemm preżenti l-Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali, Aaron Farrugia.
It-tliet proġetti huma parti mill-programm ta’ Fondi Ewropej 2014-2020.
Ritratt: DOI – Pierre Sammut