Proġetti biex jgħinu lill-insara fis-Sirja u l-Lvant Nofsani

Father Antoine Mukhallala li attenda wieħed mill-kampijiet tas-sajf organizzati għall-insara fis-Sirja

Matul din is-sena, il-Fondazzjoni Pontifiċja ta’ Karità, Aid to Church in Need (ACN) qed tgħin f’40 proġett differenti ta’ attivitajiet għas-sajf għal komunitajiet insara f’pajjiżi fejn dawn jinsabu f’minoranza u qed jiffaċċjaw diskriminazzjoni u tbatija minħabba gwerrer u ġlied.

Kważi nofs dawn il-proġetti hums mmirati għal komunitajiet insara fil-Lvant Nofsani, partikolarment is-Sirja fejn se jsiru 28 kors tas-sajf għaż-żgħażagħ u l-familji tagħhom.

Wara li għaddew minn gwerra mdemmija li wasslet għall-kriżi ekonomika u soċjali li l-pajjiż jinsab fiha bħalissa, l-insara ta’ diversi denominazzjonijiet mid-djoċesijiet ta’ Homs, Aleppo, Latakia u Damasku diġa’ bdew jew se jibdew jingħaqdu f’dawn il-ġimgħat sa tmiem Settembru, biex flimkien ifittxu l-fejqan għat-trauma li għaddew minnha.

Father Antoine Mukhallala, mid-djoċesi ta’ Aleppo attenda wieħed minn dawn il-korsijiet organizzati mill-komunità Fidi u Ħajja u qal li kultant hu diffiċli wieħed jirrealizza dak li sofrew dawn in-nies.

Bżonn ta’ għajnuna psikoloġika

Terroriżżati bil-bombi u l-isparar li qatlu ħafna nies għall-ebda raġuni, dawn in-nies kienu jibżgħu joħorġu minn djarhom.  Illum dawn in-nies jinħtieġu appoġġ psikoloġiku kbir u għandhom bżonn jiltaqgħu ma’ Alla biex isibu l-paċi permezz tat-talb.  Għalhekk il-Kampijiet tas-Sajf li qed ikunu organizzati għalihom huma għalihom xaqq ta’ tama.

Fost l-affarijiet li Fr. Antoine iltaqa’magħhom matul dan il-kors kien hemm storja partikolari li laqtitu u li tkellem dwarha ma’ Aid to Church in Need. Din hi l-istorja ta’ armla, omm ta’ żewġt ibniet li waħda minn hi awtistika.

“Din l-omm kienet qed tbati ħafna għax tilfet lil żewġha meta dan ipprova jemigra lejn l-Ewropa f’wieħed mill-‘vapuri tal-mewt’. Dan ir-raġel ma mietx mgħarraq, imma għax inqatel u kellha tassisti għar-ritorna tal-katavru tiegħu b’għonqu mħanxar.

Sens ta’ mħabba

Din il-mara kienet qed issofri ħafna u tgħix fis-solitudni. Għalkemm fiżikament kienet preżenti fil-grupp, bilkemm tkellmet la dwar żewġha u anqas dwar uliedha. Għalkemm il-membri tal-grupp ippruvaw jersqu lejha biex ifarrġuha, irrifjutat kull tentattiv.  Iżda bil-mod il-mod, sa tmiem il-ġimgħa tal-Kamp tas-Sajf, sens ta’ mħabba reġa’ daħal f’qalb din il-mara, id-dalma bdiet tħalliha u qalbha reġgħet bit-tħabbat bl-imħabba.

Bdiet tirrealizza mill-ġdid, li l-ħajja hi sabiħa.  Dan seħħ l-aktar għall-bidla drammatika li fl-istess ġimgħa tal-kamp, kien hemm fl-imġieba ta’ bintha awtistika, li saħanistra f’ħin minnhom stiednet lil Fr. Antoine biex jiżfen magħha.

Fi tmiem il-kamp, din l-omm qalet lill-parteċipanti l-oħra: “Kieku l-kamp dam imqar ġimgħa oħra, ċerta li binti Jenny kienet tibda titkellem”.

Fr Antoine qal lil Aid to Church in Need li hu kien involut f’numru ta’ Kampijiet tas-Sajf tul is-sitt snin li ilu qassis, imma dan l-aħħar wieħed li attenda għalih f’Kfarsetta kien fost l-isbaħ li fih esperjenza il-ferħ tal-imħabba u li fih irċieva aktar milli ta.

“Jien irringrazzjajt lil Alla għall-ferħ li din il-mara esperjenza matul il-kamp u għax kelli l-opportunità li ngħix dawn l-esperjenzsi spiritwali.  Nixtieq nirringrazzja lir-rappreżentanti u l-benefatturi tal-Fondazzjoni ACN li organizzaw dawn il-kampijiet għax mingħajrhom  ma kontx nagħmel din l-esperjenza. Nitlob ‘l Alla jberikkhom biex tkompli tgħinu lil dawk li jiġu bżonn l-għajnuna tagħkom u biex tkomplu tkunu strument f’idejn Alla biex jifrex l-imħabba Tiegħu fid-dinja”, qal Fr Mukhallala

Matul dan is-sajf gruppi oħra ta’ tfal, żgħażagħ u familji se jkunu qed jieħdu sehem f’kampjiet tas-sajf li se jkunu organizzatimhux biss-fis-Sirja imma anke fl-Eġittu, il-Ġordan, il-Palestina, l-Lebanon, il-Krimea u l-Congo.